Il-Kumitat tat-Trasport u t-Turiżmu tal-Parlament Ewropew approva żewġ inizjattivi mressqa mill-MEP Daniel Attard biex isaħħu s-settur turistiku Ewropew b’enfasi fuq il-ħiliet diġitali u turiżmu sostenibbli u b’saħħtu.
L-ewwel proposta, Upskilling and Reskilling the Tourism Ecosystem, tiffoka fuq it-taħriġ diġitali għall-SMEs u l-entitajiet li jippromwovu t-turiżmu. L-għan hu li jitnaqqas b’mod sinifikanti n-numru ta’ ħaddiema fil-qasam li jeħtieġu taħriġ mill-ġdid u jiżdied l-użu tal-internet fost dawk mingħajr edukazzjoni formali. Se jinħoloq ukoll qafas komuni għat-tixrid u l-użu tad-dejta biex jissaħħu l-kompetittività u l-innovazzjoni fis-settur.
It-tieni proposta, The European Capital of Health Destination, tippromwovi turiżmu b’saħħtu u sostenibbli, ibbażat fuq il-ġid naturali, ċentri tas-saħħa u l-benessri u t-tradizzjonijiet Ewropej. Din l-inizjattiva tappoġġja l-viżjoni Brand Europe u tħeġġeġ turiżmu matul is-sena kollha.
L-azzjonijiet jinkludu ħolqien ta’ netwerk Ewropew għall-iskambju tal-aqwa prattici, pjattaforma diġitali speċjalizzata u tisħiħ tal-aċċess għal spazji ħodor u s-servizzi tas-saħħa f’żoni rurali. Dan se jsaħħaħ l-ekonomiji lokali u joħloq impjiegi ġodda.
Żewġ inizjattivi li jpoġġu l-Ewropa f’pożizzjoni aktar b’saħħitha biex tindirizza l-isfidi u l-opportunitajiet ta’ settur turistiku li qed jinbidel.