Daniel Attard ġie maħtur bħala n-negozjatur ewlieni tal-Parlament Ewropew fuq il-viżjoni għat-turiżmu sostenibbli fl-Ewropa.
Din il-ħatra tfisser li Dr Attard se jmexxi n-negozjati f’isem il-Parlament Ewropew dwar kif il-politika tat-turiżmu għandha tiġi riformata sabiex tkun aktar sostenibbli, inkluż kif tista’ tindirizza l-isfidi strutturali li qed jiffaċċjaw diversi reġjuni.
Din il-ħatra saret f’mument deċiżiv, hekk kif il-Kummissjoni Ewropea qed tfassal l-istrateġija tagħha fuq sfond ta’ sfidi dejjem jikbru fil-qasam tat-turiżmu, fosthom dawk relatati mal-infrastruttura, il-ħaddiema, l-akkomodazzjoni u l-enerġija.
F’dan il-kuntest, l-Ewroparlamentari Laburista fisser li t-turiżmu ma jistax u m’għandux jitqies f’iżolament, iżda fil-kuntest tas-setturi kollha li jimpatta: it-trasport, l-enerġija, l-iżvilupp sostenibbli, il-ħarsien tal-ambjent u l-kompetittività ekonomika.
Daniel Attard żied li “it-turiżmu għandu jkun forza ekonomika, opportunità ta’ impjieg u mezz ta’ mobilità soċjali. L-għan hu li jkollna strateġija konkreta li twieġeb għas-sfidi komuni, tipproteġI l-wirt kulturali, u tagħti futur aħjar lil kulħadd, sew l-industrija, il-ħaddiema, in-negozji żgħar, il-familji u l-komunitajiet”.
Huwa qal ukoll li l-ħidma tiegħu se tkun iffukata biex Malta u Għawdex ikunu parti minn viżjoni Ewropea li tpoġġi r-reġjuni żgħar u gżejjer fuq quddiem nett tal-iżvilupp turistiku sostenibbli.
Dr Attard ikkonkluda li għal Malta u Għawdex, it-turiżmu kien u jibqa’ kontributur ewlieni tal-ġid nazzjonali u pilastru ta’ miżuri soċjali u progressivi. Għaldaqstant, f’dan l-inkarigu ġdid il-prijorità tiegħu se tibqa’ d-difiża u t-tisħiħ tal-interessi ta’ Malta fl-Ewropa.