Thursday, December 26, 2024

Daniel Meli jappella mill-estradizzjoni tiegħu lejn l-Istati Uniti

Aqra wkoll

Daniel Joe Meli ta’ 27 sena minn Ħaż-Żabbar appella minn sentenza mogħtija mill-Prim Awla tal-Qorti Ċivili fil-25 ta’ Lulju fejn dakinhar l-Imħallef Doreen Clarke ordnat l-estradizzjoni tiegħu lejn l-Istati Uniti.

Meli kien ġie arrestat u anke tressaq il-Qorti akkużat b’reati dwar l-użu ħażin tat-teknoloġija tal-informazzjoni u l-internet. L-akkużat kien inqabad hekk kif il-pulizija kienet wettqet operazzjoni li fiha kienet assistita minn investigazzjoni tal-FBI, b’rabta ma’ bejgħ ta’ malware illegali fuq id-‘dark web’ kif ukoll b’rabta ma’ servizzi ta’ mentoring fuq dak li jissejjaħ ‘Hack Forum’.

Meli fl-appell tiegħu li kien iffirmat mill-avukati Franco Debono u Arthur Azzopardi qal li ma saru l-ebda verifiki biex jiġi aċċertat li hu kien medikament stabbli u għalhekk kien kapaċi li jifhem dak li kien qiegħed jikkonsenti għalih meta hu stess ta l-kunsens biex jiġi estradit. Dan minħabba storja twila ta’ problemi ta’ saħħa mentali u abbuż ta’ sustanzi mediċi.

L-avukati ta’ Meli kitbu fl-appell li l-Ewwel Qorti kellha tasal għall-konklużjoni li l-liġi tal-estradizzjoni tagħtih dritt personali ta’ aċċess għal qorti biex jiġi determinat jekk jeżistux il-rekwiziti kollha biex huwa jiġi estradit u fil-każ tiegħu li huwa kien qiegħed jagħti kunsens għall-estradizzjoni tiegħu.

Argumenta li d-dritt għal smigħ xieraq għandhom japplikaw f’proċeduri ta’ estradizzjoni billi dawn il-proċeduri ġew imressqa mill-Istat innifsu għal proċeduri ġudizzjarji kif ukoll li ż-żagħżugħ kellu jitqies li għandu victim status.

Ekonomija

Sport