L-Albaniż Daniel Muka, li jinsab mixli bil-qtil doppju ta’ Christian Pandolfino u Ivan Maciejowski f’Tas-Sliema, tpoġġa taħt att t’akkuża.
Dan wara li l-Qorti laqgħet it-talba tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
L-Albaniż kien ammetta li huwa kien fost grupp ta’ tlett irġiel li daħlu fid-dar fi Triq Locker, iżda naqas milli jammetti mal-Pulizija li spara tiri ta’ arma tan-nar fuq il-vittmi.
Flimkien miegħu hemm żewġ persuni oħra li jinsabu akkużati; id-Daniż Jesper Kristiansen u Viktor Dragomanski mill-Maċedonja.
Dragomanski mistenni jitpoġġa taħt att ta’ akkuża t-Tnejn li ġej.
Il-qtil ta’ Pandolfino u Maciejowski kien seħħ fit-18 ta’ Awwissu tal-2020 għall-ħabta tal-10.20 p.m. meta t-tnejn kienu jinsabu f’darhom. Maciejowski kien instab mejjet fis-sular ta’ fuq, filwaqt li Pandolfino kien instab mejjet fis-sular t’isfel.