Saturday, November 16, 2024

Daniel Ortega, il-President tan-Nikaragwa

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Analiżi minn Ruben Briffa

Meta xi ħadd isemmi lin-Nikaragwa, awtomatikament f’moħħu jiġi mill-ewwel Daniel Ortega li issa ilu s-snin jiddomina x-xena politika ta’ dan il-pajjiż ta’ madwar seba’ miljun ruħ fl-Amerika Ċentrali. Minkejja li f’dawn l-aħħar 13-il sena Ortega ġab ċertu stabbiltà fin-Nikaragwa, in-nuqqas ta’ fondi li kienu ilhom għal dawn l-aħħar snin deħlin fl-ekonomija ta’ dan il-pajjiż jaf ikun il-bidu tat-tmiem tal-karriera politika tiegħu.

Daniel Ortega

Il-karriera politika ta’ Daniel Ortega, li llum għandu 75 sena, tmur lura lejn nofs is-snin 70. Bħala wieħed mill-mexxejja tal-Moviment Sandinista, huwa kien strumentali sabiex fis-sena 1979 twaqqa’ d-dittatorjat immexxi mill-familja Samoza li kienet ilha tmexxi lil dan il-pajjiż, b’xi ftit interruzzjonijiet żgħar, kemm permezz ta’ membri tal-familja jew b’xi mexxej pupazz tagħhom, għal 43 sena sħaħ. Minkejja li l-familja Samoza ħalbet kemm felħet lil dan il-pajjiż, tant li meta tilfet il-poter kellha assi li jammontaw għal aktar minn 500 miljun dollaru Amerikan, dan id-dittatorjat minn dejjem kien igawdi l-appoġġ tal-Istati Uniti. Dan minħabba li f’dik il-ħabta, il-prijorità ewlenija tal-gvern Amerikan kienet li ma jkunx hemm gvernijiet Komunisti fil-pajjiżi ġirien. 

Minkejja l-kredenzjali xellugin ta’ Ortega, il-gvern Amerikan kien ipprova jilgħaq lill-gvern Nikaragwajan b’għajnuna finanzjarja sabiex iżommu ‘l bogħod mill-influwenza tal-Unjoni Sovjetika u ta’ Castro. Però, din l-għajnuna waqfet ħesrem meta l-gvern Amerikan kien qabad lill-gvern ta’ Ortega jibgħat l-armi lil gruppi xellugin f’El Salvador. Kien hawn li l-gvern Amerikan beda jgħin lill-grupp ta’ kontra Ortega magħruf appuntu bħala l-Contras.

Ortega rebaħ b’mod trasparenti l-elezzjoni Presidenzjali tal-1984. Minkejja dan, Ronald Reagan, il-President Amerikan ta’ dik il-ħabta, baqa’ jippersisti bl-għajnuna lil Contras mingħajr l-awtorizzazzjoni tas-Senat. Il-ġlied bejn is-Sandinisti u l-Contras jingħad li ħallew aktar minn 30,000 ċittadin Nikaragwajan mejta.

Fl-1990, Ortega tilef l-elezzjoni Presidenzjali u reġa’ tilef dawk tal-1996 u l-2001. Biss, Ortega baqa’ jiġri wara l-poter u fl-2006 reġa’ rebaħ il-presidenza, kariga li għadu jżomm sal-lum, fost ħafna akkużi ta’ prattiċi elettorali korrotti mill-pajjiżi tal-punent.

Alleanzi fejn jaqbel

Minn mindu reġa’ ħa l-poter f’idejh, Ortega ma ddejjaq xejn jagħmel alleanzi ma’ entitajiet li għandhom twemmin politiku kontrastanti. Qabel il-kollass tal-ekonomija tal-Veneżwela, li ilha s-snin titmexxa minn gvern xellugi estrem, Ortega kien jirċievi biljuni ta’ dollari f’għajnuna għall-ekonomija ta’ pajjiżu mill-gvern ta’ Caracas. 

Minkejja din il-ħbiberija ma’ Hugo Chavez, is-simbolu tal-politika xellugija f’Amerika Ċentrali u Latina, Ortega tħabbeb kemm felaħ ma’ organizzazzjonijiet konservattivi f’pajjiżu bħal Knisja Kattolika u diversi negozjanti kbar. 

La crisis

Naturalment, bit-telf tal-flus mill-Veneżwela, l-ekonomija tan-Nikaragwa ħadet daqqa ta’ ħarta kbira. Ortega ma kellux triq oħra ħlief li jissikka ċ-ċintorin. Waħda mill-proposti ta’ awsterità li ħa Ortega kienet dik li jnaqqas b’mod drastiku l-pensjonijiet tan-nies. Kif kien mistenni, din waslet għal kriżi politika kbira f’dan il-pajjiż li ngħatat l-isem ta’ “la crisis” mill-media internazzjonali. 

Ġew organizzati protesti kbar fil-kapitali Managua u gewwa bliet ohra ewlenin. Ir-regim ta’ Ortega ma ddejjaq xejn irażżan dawn il-protesti b’mod tassew vjolenti tant li wassal għall-mewt ta’ madwar 500 persuna. Kien hawn li beda żmien ikrah għal ħafna nies ta’ dan il-pajjiż li wassal għal eluf kbar ta’ nies sabiex jaħarbu mill-pajjiż.

Minħabba din il-kriżi finanzjarja jingħad li ntilfu aktar minn 20% tal-impjiegi full time f’dan il-pajjiż. Huwa mistenni li fix-xhur li ġejjin, l-ekonomija tibqa’ tiċkien aktar u mistennija tonqos b’aktar minn 15% sa nofs is-sena 2021. Naturalment, il-protesti fil-pajjiż naffru wkoll id-dħul mit-turiżmu.

Ċans tad-deheb għall-oppożizzjoni

L-elezzjoni Presidenzjali li jmiss mistennija ssir f’Novembru tas-sena li ġejja. Ftit jeżisti dubju li kemm-il darba ma jkunx hemm tbagħbis, hemm ċans kbir li Ortega jitlef din l-elezzjoni.

Minkejja dan iċ-ċans tad-deheb, l-oppożizzjoni għadha mifruda u ma sabitx mexxej sod li jieqaf lil Daniel Ortega u lil Rosario Murillo li barra li hija l-mara ta’ Ortega, hija wkoll il-Viċi President tal-pajjiż.

Il-pandemija

Ortega kien wieħed minn dawn il-mexxejja dinjin li dam ħafna sabiex irrikonoxxa l-gravità tal-Covid-19 tant li ttratena kemm felaħ qabel ma daħħal is-soliti miżuri kontriha. Minkejja li skont il-gvern ta’ Ortega, fil-pajjiż mietu anqas minn 200 ruħ bil-Coronavirus, ġurnali influwenti minn pajjiżi qrib qegħdin jgħidu li kien hemm kważi 8,000 ruħ li tilfu ħajjithom bil-Covid-19.

Gruppi ġodda

F’dawn l-aħħar xhur ġew iffurmati ħafna gruppi mmexxija minn żgħażagħ, l-aktar studenti universitarji li qegħdin jopponu b’mod strutturat lir-reġim ta’ Ortega. Magħhom ingħaqdu ħafna negozjanti u ħassieba politiċi sabiex iffurmaw ‘l hekk imsejħa Alleanza Ċivili. Grupp ieħor li qiegħed jagħti kedda lil Ortega huwa l-Blue and White National Unity jew kif inhu magħruf aħjar fil-media, l-UNAB, li huwa bbażat ukoll fl-universitajiet ewlenin tal-pajjiż. Minkejja li dawn il-gruppi kollha għandhom għadu komuni f’Ortega, huma qegħdin isibuha diffiċli ħafna sabiex jaħdmu flimkien minħabba d-differenzi ideoloġiċi li għandhom.

Il-prospetti tal-oppożizzjoni

Ir-riżultati ta’ stħarriġ politiku li sar minn ġurnal barrani fost iċ-ċittadini Nikaragwajani, ma tantx juri prospetti sbieħ jekk l-oppożizzjoni tibqa’ daqshekk mifruda. Fil-fatt, skont dan l-istess sondaġġ, l-ebda grupp jew partit ta’ kontra Ortega m’huwa sejjer jaqbeż it-13% tal-voti fl-elezzjoni ta’ Novembru li ġej.

Naturalment, Ortega qieħed jagħmel ħafna manuvri sabiex ikisser lil dawk ta’ kontrih. Dawn il-manuvri jvarjaw minn sospensjoni tal-liċenzji tas-sewqan tax-xufieri ta’ esponenti tal-oppożizzjoni sa sentenzi twal ta’ ħabs u addirittura tortura għal xi mexxej prospettiv. Din ix-xorti ħażina messet lil Medardo Mairena, wieħed mill-politiċi li jippromettu ta’ kontra Ortega. 

Mingħajr mexxej li jġib l-għaqda, l-oppożizzjoni sejra tkun qiegħda tagħti lil Daniel Ortega ħames snin oħra ta’ tmexxija fuq platt tal-fidda. Minkejja l-ħafna kundanni mill-pajjiżi tal-punent għall-mod ta kif il-gvern ta’ Ortega qiegħed iwaqqaf il-protesti, il-punent ma ddejjaq xejn isellfu aktar minn biljun dollaru Amerikan mill-IMF, bl-iskuża li dawn il-flus sejrin jintużaw sabiex il-gvern jiġġieled il-pandemija u sabiex jagħmel xi proġetti infrastrutturali wara terremot li laqat lil dan il-pajjiż dan l-aħħar. Żgur li l-punent hawn kellu fejn jagħti d-daqqa tal-mewt lir-reġim ta’ Ortega.

Ekonomija

Sport