Minn Cris Muscat
Il-Malta Handball Association (MHA) daħlet f’fażi ġdida fl-istorja tagħha wara li, permezz ta’ Laqgħa Ġenerali Straordinarja lura għas-sena 2023, Daniel Tabone ġie elett unanimament bħala President, b’Joe Aquilina jinħatar bħala Viċi President. Din il-ħatra tkompli tibni fuq snin ta’ ħidma konsistenti u viżjoni ċara għall-futur aktar b’saħħtu tal-handball f’Malta.
Tabone mhuwiex wiċċ ġdid fil-handball Malti. Fil-fatt, ir-responsabbiltà tiegħu fi ħdan il-MHA bdiet sa minn Settembru tal-2023, meta kien inħatar bħala direttur tekniku. F’dak ir-rwol, huwa kien strumentali biex jagħti direzzjoni teknika lill-Assoċjazzjoni, jsaħħaħ ir-relazzjonijiet mal-klabbs lokali, u jaħdem mill-qrib ma’ entitajiet internazzjonali u istituzzjonijiet nazzjonali bħall-Gvern Ċentrali, SportMalta, il-Ministeru tal-Edukazzjoni u l-Kumitat Olimpiku Malti.
“Il-ħatra tiegħi bħala President hija kontinwità naturali tal-ħidma li diġà kienet qed issir,” qal Tabone f’intevista li tana riċentement. “L-għan ewlieni tiegħi hu li nħalli warajja Assoċjazzjoni aħjar milli sibt, aktar strutturata, aktar professjonali u b’viżjoni fit-tul.”
Qabel ma daħal fid-dinja amministrattiva, Daniel Tabone kellu wkoll karriera attiva bħala plejer. Huwa lagħab bħala left wing u kien involut ma’ diversi klabbs, fosthom l-Università, Luxol, Kavallieri u La Salle. Barra minn hekk, kellu esperjenza kemm bħala plejer kif ukoll bħala kowċ.
Fl-2018, Tabone ddeċieda li jwaqqaf il-karriera attiva tiegħu bħala plejer, iżda baqa’ qrib il-court permezz ta’ rwoli tekniċi u amministrattivi, u aktar tard bħala Viċi President tal-MHA fl-2023.
Meta mistoqsi kif iħares lejn ir-rwol ta’ president, Tabone ammetta li għadu jħoss in-nostalġija tal-logħba: “Nixtieq li għadni nilgħab, għax l-isport jagħtik break sabiħ wara ġurnata xogħol. Madankollu, illum nifhem li r-responsabbiltà tiegħi hija waħda akbar u hi dik li naħdem biex l-handball ikompli jikber u jissaħħaħ.”
Wieħed mill-akbar suċċessi tal-MHA f’dawn l-aħħar snin kien l-investiment qawwi fil-mini handball. Skont Tabone, illum hemm madwar 450 tifel u tifla, mill-kategoriji ta’ taħt it-tmien sa tlettax-il sena, involuti f’dan il-livell. Barra minn hekk, hemm strutturi organizzati għall-U17, U19, kif ukoll kampjonati tal-Ewwel u t-Tieni Diviżjoni li għaddejjin b’mod regolari.
Minkejja dan it-tkabbir, Tabone jirrikonoxxi li għad hemm sfidi, speċjalment fil-handball tan-nisa. “Bħalissa għandna madwar 70 fil-mija subien u 30 fil-mija bniet. Din hija realtà li narawha wkoll fuq livell internazzjonali. L-isfida mhux biss li nattiraw aktar bniet, iżda wkoll li nżommuhom fl-isport.” Il-filosofija tiegħu hija ċara: “Aħjar ikollna tliet klabbs b’saħħithom u stabbli milli numru akbar li ma jifilħux u jispiċċaw jisparixxu.”
Sfida oħra importanti hija dik tar-referees. Il-pool lokali għadu żgħir ħafna, u l-maġġoranza tar-referees attivi huma wkoll plejers jew kowċis. “L-ideal hu li jkollna referees indipendenti,” spjega Tabone. “Imma huwa diffiċli tattira nies li qatt ma kienu involuti fil-handball.” Minkejja dan, l-MHA ħadmet bis-sħiħ biex tindirizza din il-problema, billi organizzat seminars ma’ esperti minn Franza, bidlet il-format tal-kompetizzjonijiet, u anke ġabet referees barranin biex jirrefjaw il-logħob kollu ta’ ċerti kompetizzjonijiet.
F’dawn l-aħħar sentejn, ġew introdotti wkoll inizjattivi ġodda bħas-Super Cup, li tintlagħab fl-aħħar ġurnata tal-istaġun bejn ir-rebbieħa tal-League u l-Knock-Out. Barra minn hekk, ġew attirati sitt referees ġodda ta’ bejn il-15 u s-16-il sena, li fihom l-Assoċjazzjoni qed tinvesti fit-tul.
Fuq livell internazzjonali, l-MHA qed taħdem mill-qrib mal-European Handball Federation permezz tal-EHF Master Plan 360. Tabone faħħar ukoll il-kontribut ta’ Alan Grima, delegat ta’ suċċess li ġie vvutat fil-European Board of Handball, u li qed jintuża bħala pjattaforma biex Malta jkollha vuċi aktar b’saħħitha f’din l-arena.
Il-futur jidher wieħed impenjattiv iżda promettenti. Din is-sena, l-enfasi se tkun fuq l-edukazzjoni tal-kowċis, b’lecturers u kowċis internazzjonali mistennija jiġu Malta, kif ukoll korsijiet ġodda ppjanati għal Marzu. Il-beach handball qed jiġi introdott bil-mod il-mod, b’esperjenzi diġà miksuba fit-Turkija u pjanijiet biex sal-2027 Malta jkollha tim kompetittiv.
Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, Tabone kellu messaġġ ċar għal min qed jaħseb biex jingħaqad mal-isport: “Il-handball huwa sport sabiħ, veloċi u dinamiku. Inħeġġeġ lil kulħadd biex jagħtih ċans. Min irid jingħaqad magħna jista’ jsibna fuq Facebook u Instagram.”
Aspett ieħor kruċjali fil-viżjoni ta’ Tabone huwa l-importanza tal-kollaborazzjoni. Huwa jemmen bis-sħiħ li s-suċċess tal-handball Malti ma jistax jintlaħaq jekk l-Assoċjazzjoni, il-klabbs, l-iskejjel u l-istakeholders l-oħra ma jaħdmux flimkien.
Għalhekk, l-MHA qed tkompli ssaħħaħ ir-relazzjonijiet tagħha mal-istituzzjonijiet edukattivi u sportivi sabiex il-handball jidħol aktar fil-komunità u jkun aċċessibbli għal kulħadd. Din l-istrateġija għandha twassal mhux biss għal aktar parteċipazzjoni, iżda wkoll għal kulturá sportiva aktar b’saħħitha, sostenibbli u bbażata fuq valuri ta’ dixxiplina, rispett u impenn fit-tul.
B’din il-viżjoni u l-esperjenza vasta tiegħu, Daniel Tabone jidher determinat li jmexxi lill-Malta Handball Association lejn kapitlu ġdid ta’ tkabbir, stabbiltà u suċċess.

