Saturday, December 21, 2024

Daniele De Rossi jitkeċċa minn kowċ ta’ Roma

Aqra wkoll

Roma keċċew lill-kowċ Daniele de Rossi wara biss erba’ logħbiet biss mill-bidu tal-istaġun il-ġdid tas-Serie A.

Roma, li ħatru lil De Rossi biex jieħu post Jose Mourinho fit-tmun tal-Giallorossi f’Jannar li għadda, ma rebħu l-ebda partita tagħhom fis-Serie A dan l-istaġun, fejn ġew draw u tilfu f’darhom kontra Empoli ix-xahar li għadda.

Roma bħalissa jinsabu fis-16-il post fil-klassifika tas-Serie A wara d-draw ta’ 1-1 f’Genoa nhar il-Ħadd.

Stqarrija tal-klabb kienet tgħid: “Id-deċiżjoni tal-klabb tittieħed fl-interess tat-tim, biex ikun jista’ jerġa’ jibda mill-ewwel it-triq mixtieqa fi żmien meta l-istaġun għadu fil-bidu tiegħu.

“Lil Daniele, li dejjem se jkun milqugħ fil-klabb, ngħidulu grazzi mill-qalb għax-xogħol li sar f’dawn ix-xhur b’passjoni u dedikazzjoni.”

Il-mandat ta’ De Rossi ma’ Roma beda b’mod mill-aqwa. Fl-ewwel 11-il partita tiegħu fil-kampjonat, Roma tilfu darba biss, u kisbu 26 punt minn 33 possibbli. Dik is-serje ta’ logħbiet ħadet lil Roma mid-disa’ għall-ħames post tal-klassifika.

Huma waslu wkoll sas-semi-finali tal-Europa League, fejn ġew eliminati miċ-champions tal-Bundesliga Bayer Leverkusen.

Hekk kif temmew fis-sitt post l-istaġun li għadda, huma reġgħu kkwalifikaw għall-Europa League ta’ dan l-istaġun. Fost il-partiti ta’ Roma fl-Ewropa dan l-istaġun hemm partita barra minn darhom kontra Tottenham fit-28 ta’ Novembru.

Dan is-sajf, Roma ffirmaw lill-aqwa skorer tal-La Liga tal-istaġun li għadda Artem Dovbyk mingħand Girona, kif ukoll lid-difensur ċentrali Ġermaniż ta’ esperjenza Mats Hummels bi free transfer.

Kien hemm numru ta’ plejers li ħallew il-klabb. L-eks difensur ċentrali ta’ Manchester United Chris Smalling telaq biex ingħaqad mat-tim tal-Pro League Saudi Al-Fayha, l-eks attakkant ta’ Chelsea Tammy Abraham ingħaqad ma’ AC Milan b’self u Romelu Lukau, li qatta’ l-istaġun li għadda b’self mingħand Chelsea ma’ Roma, ingħaqad ma’ Napoli.

F’dawn l-aħħar xhur telqu wkoll Andrea Belotti (Como), Rui Patricio (Atalanta) u Leonardo Spinazzola (Napoli).

Bħala plejer, De Rossi, li llum għandu 41 sena, qatta’ 22 sena ma’ Roma bejn l-1997 u l-2019, u għamel 616-il dehra għalihom. Kien ukoll parti mit-tim nazzjonali Taljan li rebaħ it-Tazza tad-Dinja fl-2006.

Il-Grupp Friedkin, li l-akkwist propost tiegħu ta’ Everton waqa’ f’Lulju, għandu sehem ta’ 95.97% fil-klabb.

Ekonomija

Sport