Minn Cristian Muscat
Il-leġġenda tal-futbol Taljan Danilo D’Ambrosio, ex-difensur ta’ Inter Milan u Monza, reġa’ żar Malta fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, f’avveniment organizzatt minn Inter Club PUPI Zanetti (Malta). Din id-darba, il-preżenza tiegħu ma kinitx biss għat-tifħir u l-esperjenza sportiva, imma wkoll biex jgħin fil-ġbir ta’ fondi għall-organizzazzjoni Hospice Malta.
Il-membri tal-klabb, li ilu mwaqqaf 11-il sena u li llum jirrapreżenta madwar 800 persuna, laqgħu lil D’Ambrosio b’ħerqa kbira u gratitudni għall-parteċipazzjoni tiegħu f’żewġ attivitajiet prinċipali li ġabru flus għal din il-kawża.
D’Ambrosio huwa difensur versatili li matul il-karriera tiegħu wera kemm huwa affidabbli fuq iż-żewġ naħat tal-grawnd u bħala difensur. ċentrali Fi ħdan il-klabbs li lagħab magħhom, inkluż Torino, Inter u Monza, kien magħruf għall-ħiliet tiegħu fil-qari tal-logħba, id-determinazzjoni tiegħu u l-attitudni professjonali. Il-kapaċità tiegħu li jagħti crosses preċiżi fl-attakk u jipproteġi l-linja difensiva tagħmlu mudell modern ta’ difensur ċentrali.
L-esperjenza tiegħu fis-Serie A u fil-kampjonati Ewropej għenitu jifhem kif jirreaġixxi taħt pressjoni u kif jipparteċipa f’logħbiet strateġiċi ta’ livell għoli. Barra mill-grawnd, D’Ambrosio dejjem enfasizza l-valur ta’ skwadra magħquda, dedikazzjoni u rispett lejn il-kompetituri u t-timijiet tiegħu.
“Din hija t-tieni darba li ġejt Malta,” qal D’Ambrosio waqt intervista esklussiva li kellu ma’ dan is-sit. “L-ewwel darba kont hawn meta kont għadni qed nilgħab għal Inter. Din id-darba hija okkażjoni differenti: mhux biss biex niltaqa’ mal-familja Interista tal-gżejjer Maltin, imma wkoll biex nikkontribwixxi għal xi ħaġa li tagħmel differenza reali f’ħajjet in-nies.
L-ispirtu tal-klabb u l-merħba kbira li ħassejt hawn huma impressjonanti.”
D’Ambrosio spjega kif l-attivitajiet kienu mfassla biex ikunu kemm divertenti kif ukoll edukattivi: il-Gala Buffet Dinner fl-20 ta’ Frar ġewwa lukanda ewlenija f’Għajn Tuffieha, u t-Training Camp fil-21 ta’ Frar fil-grawnd ta’ Burmarrad AFC, li ngħata b’grazzi mill-iskola tal-futbol KHS Football School u minn Marko Glumac, kienu l-pjattaformi perfetti biex jinġabru l-fondi.
D’Ambrosio żied jgħid li l-parteċipazzjoni tiegħu kienet ispirazzjoni wkoll għall-parteċipanti iżgħar u għat-timijiet lokali li attendew, li esperjenzaw kuntatt dirett ma’ champion li għamel karriera impressjonanti fil-futbol Taljan u Ewropew.
Hawnhekk, D’Ambrosio tkellem wkoll dwar l-imħabba tiegħu għal Inter iżda wkoll għal Napoli, li hi belt twelidu: “Meta kont żgħir, kont insegwi l-logħob biss fuq stazzjon Taljan jismu Tele+. F’ħanut ta’ ħbieb tiegħi li kienu partitarji ta’ Inter, rajt logħob ta’ Ronaldo u Roberto Baggio. Imma biex tkun partitarju Nerazzurro ma jfissirx li ma tħossx qalbek tħabbat għal Napoli wkoll. Jien partitarju ta’ din il-belt, tal-ħajja tagħha u tal-bellezzi li għandha. Ovvjament li d-demm jiġbed għax meta tkun Naplitan diffiċli ma tħobbx lil din il-belt.
Matul il-preżenza tiegħu f’Malta, Danilo D’Ambrosio enfasizza l-valur tad-dedikazzjoni, spirtu ta’ skwadra u passjoni għal-logħob tant li qasam messaġġi motivanti dwar kif il-futbol u s-suċċess fil-ħajja ma jiddependux biss fuq talent, imma fuq sforz kontinwu, perseveranza u rispett lejn ħaddieħor.
Il-plejers iżgħar u l-membri tal-klabb ħassew verament l-enerġija u l-kariżma tiegħu, waqt li ftakru fl-istorja tiegħu u l-esperjenzi personali. Din iż-żjara ħalliet impatt fuq il-ħsibijiet u l-ispirazzjoni tagħhom, mhux biss bħala plejers futuri li kienu qed jisimgħu l-kelma tal-istess D’Ambrosio, imma wkoll bħala persuni li jħossu l-bżonn li jagħtu lura lill-komunità.
Il-fatt li l-avveniment kien iddedikat biex jgħin lil Hospice Malta wera wkoll kif sport u altrużmu jistgħu jiffurmaw sinerġija qawwija: esperjenza li mhux se tinsa u li turi kemm il-qalb u l-karattru ta’ Danilo D’Ambrosio jmorru lil hinn mil-logħob.
Il-leġġenda Taljan tkellem ukoll dwar ir-relazzjoni tiegħu ma’ ħuh it-tewmi Dario u kif kienu jgħinu lil xulxin f’kull pass tat-triq: minn żgħar ma’ Salernitana Calcio sa meta Danilo laħaq il-kampjonat tas-Serie A. “Għalija, il-familja u l-ħbiberija huma fundamentali,” qal.
Meta mistoqsi dwar il-mumenti li ma jintesewx ma’ Inter, D’Ambrosio rrefera għall-finali tal-Champions League u għall-aħħar logħba tiegħu bil-flokk Nerazzurro: “Dawk huma mumenti li jibqgħu miegħek għal dejjem. L-adrenalina, l-emozzjoni u s-sentiment li tkun parti minn storja bħal Inter huma uniku.”
Dan kollu juri kif D’Ambrosio mhux biss leġġenda tal-futbol, imma wkoll champion ta’ veru fil-ħajja fejn jgħaqqad il-passjoni tiegħu għal sport u tifħir, ma’ rieda qawwija li jgħin u jagħmel differenza fil-komunità. Il-messaġġ tiegħu għall-partitarji Nerazzurri f’Malta kien ċar u emozzjonanti: “Qed nieħu gost narakom kollha magħqudin. Ħeġġu lin-nies u dejjem, Forza Inter!”
Il-preżenza ta’ Danilo D’Ambrosio f’Malta hija eżempju ċar ta’ kif sport, passjoni u
altrużmu jistgħu jinqasmu biex jinħoloq impatt pożittiv fuq ħajjet nies oħrajn. Għal min attenda għal dawn l-avvenimenti, żgur li kienet esperjenza li mhux jinsa malajr, u l-impatt fuq Hospice Malta se jibqa’ jħalli ferħ u appoġġ għal ħafna snin li ġejjin.

