Id-deċiżjoni tat-Tribunal Internazzjonali tal-Arbitragg tat daqqa ta’ ħarta doppja lill-Partit Nazzjonalista. Dan għax mhux biss ta raġun lill-Gvern li seta’ jittermina l-kuntratt ta’ Steward bla ma jħallas €100 miljun kif kien jgħid il-PN, iżda wkoll għax iddetermina li Gvern ħallas ghas-servizzi li ħa mingħand Steward u mhux aktar. Dan ifisser li nfaqgħet il-bużżieqa li ilu jonfoħ il-Partit Nazzjonalista li nsterqu €400 miljun.
Esponenti tal-PN kienu qed jittamaw li meta toħroġ id-decizjoni sħiħa jsibu ma’ x’hiex iqabbdu, iżda kif qal il-Prim Ministru Robert Abela fil-Parlament, din kienet ċara u kkonfermat dak kollu li qal il-Gvern.
Wara analiżi dettaljata, it-Tribunal ikkonkluda li mhux talli Steward ma serqux flus iżda għad fadlilhom jieħdu €5 miljun. F’dan il-kalkolu ttieħdu in kunsiderazzjoni t-taxxi li Steward kienu għadhom ma ħallsux.
Dan jimmina l-konklużjonijiet tal-Inkjesta Magisterjali tal-Magistrat Gabriella Vella, ibbażat fuq rapport ta’ esperti li issa ma jridux jixdhu. Fuq il-bażi ta’ dan ir-rapport tressqu l-Qorti Joseph Muscat, Chris Fearne, Edward Scicluna u bosta persuni oħra. Ġew iffriżati assi ta’ diversi persuni fejn ġew iffrizati fl-ammont ta’ €30 miljun li suppost kienu parti minn dawn l-€400 miljun li issa t-Tribunal Internazzjonali qed jgħid li qatt ma ttieħdu.
It-Tribunal Internazzjonali ħa in kunsiderazzjoni s-sentenzi mogħtija mill-Qrati Maltin kif ukoll ir-rapporti tal-Awditur Ġenerali. Barra minn hekk, id-Daphne Caruana Galizia Foundation ukoll għamlet rappreżentazzjoni iżda din ma ġietx aċċettata.
It-Tribunal wera li mhux veru li Steward kellhom dritt għal €100 miljun jekk jitħassar il-kuntratt, kif kien ilu jgħid il-Partit Nazzjonalista.
It-Tribunal kien limitat mill-kawża ta’ Adrian Delia li talab li l-kuntratt jitħassar. Din id-deċiżjoni tista’ titqies bhala daqqa kbira għall-PN iżda akbar għal Delia, b’uħud qrib Alex Borg jgħidu li mnalla ma sarx hu Kap għaliex b’ din id-deċiżjoni kien iniżżel lill-partit miegħu.
Fil-fatt, id-deċiżjoni wasslet ghal reazzjoni isterika minn Adrian Delia li t-Tlieta wara nofsinhar beda jisfida lil Prim Ministru Tobert Abela għal dibattitu b’ ton mill-aktar agressiv. Delia deher bla kontroll ukoll aktar tard fil-Parlament meta beda il-ħin kollu jinterrompi lill-Prim Ministru u saħansitra kellu jiġi sospiż mill-Kamra mill-Ispeaker Anġlu Farrugia.
L-International Chamber of Commerce hija organizzazzjoni internazzjonali li twaqqfet biex tappoġġja l-kummerċ u l-kooperazzjoni ekonomika bejn pajjiżi.
X’inhu t-Tribunal Internazzjonali tal-Arbitraġġ
It-Tribunal tal-Arbitraġġ Internazzjonali tal-ICC huwa l-qorti ewlenija dinjija fejn imorru żewġ jew iktar partijiet minn pajjiżi differenti meta jkollhom nuqqas ta’ qbil. Din hija meqjusa bhala struttura prestiġjuża u indipendenti fuq livell globali.
It-Tribinal ilu jeżisti aktar mill-1923 u ddecieda aktar minn 29,000 kaz li jlahhqu valur ta’ aktar minn €300 biljun minn 136 pajjiz madwar id-dinja.
Skont l-International Arbitration Survey, dan it-Tribunal huwa fost l-aktar apprezzati mill-komunità tal-arbitraġġ madwar id-dinja kollha.
Dan minħabba t-trasparenza u standards professjonali.

