Monday, December 2, 2024

“Daqqa waħda iva, tnejn ma nifilħuhiex”- Dr Charlon Gouder dwar l-industrija tal-akwakultura

Aqra wkoll


“Jekk pajjiżna jrid jitkellem dwar is-sostenibbiltà ta’ din l-industrija, sitwazzjonijiet bħal dawn iridu jiġu studjati, indirizzati u aktar tard immaniġġjati. Minkejja li mxejna pass lura fis-sena 2023, din l-industrija hi ferm reżiljenti u kienet kapaċi tassorbi din id-daqqa. Minkejja kollox, pass ieħor lura ifisser diżastru sħiħ. Għalhekk l-assistenza hi vitali biex din l-industrija tal-akwakultura tibqa’ tiġi sostnuta.”

Qal dan il-Kap Eżekuttiv tal-Federazzjoni tal-Produtturi tal-Akwakultura Maltija Dr Charlon Gouder f’kummenti ma’ dan is-sit b’rabta mal-istatistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) dwar l-industrija tal-akwakultura għas-sena 2023. 

Intqal li matul is-sena li għaddiet, l-esportazzjonijiet tas-settur tal-akwakultura ta’ Malta kellhom valur ta’ €199.124 miljun, tnaqqis ta’ kważi 40% meta mqabbel mal-2022 fejn il-valur totali tal-esportazzjoni kien ta’ €320.4 miljun. 

L-istess Federazzjoni kienet ħarġet ukoll stqarrija dwar din l-istatistika, u nnotat kif l-industrija tat-tonn matul it-12-il xahar tas-sena l-oħra ħadet daqqa żgħira ‘l isfel minħabba diversi fatturi. L-Akwakultura f’Malta tikkonsisti primarjament mill-produzzjoni tat-tonn imsejjaħ Bluefin bil-maġġoranza minnu li hu esportat lejn il-Ġappun.

Fil-kummenti tiegħu, Dr Gouder qal li “rridu naraw dawn il-fatti u l-figuri f’kuntest internazzjonali. Wieħed irid isemmi wkoll iċ-ċaqliq fl-ekonomija u t-tensjonijiet ġeopolitiċi fi swieq l-aktar ewlenin għal Malta fejn barra l-Ġappun hemm ukoll iċ-Ċina. Dan kollu wassal sabiex l-valura tal-prodott li ġej minn Malta naqas bin-nofs.”

“Biex wieħed jifhimni aħjar, il-prezz imħallas għall-prodott kull kilo, niżel minn €17.75 mill-2022 għal €9.55 kull kilo. Dan kollu kien qed waqt il-pressjoni f’din l-industrija kompliet bl-ispejjeż li żdiedu għal tnax fil-mija komparat mis-sena ta’ qabel.”

Il-Kap Eżekuttiv tal-Federazzjoni tal-Produtturi tal-Akwakultura Maltija qalilna li fid-dawl ta’ dan kollu imn’alla li huma flimkien mal-gvern ħejjew pjan ta’ diversifikazzjoni sabiex l-industrija ma tibqax tiddependi fuq suq wieħed biss iżda tħares ukoll lejn opportunitajiet oħra. Hu semma l-ftehim li għamel il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Ian Borg fiċ-Ċina. Qal li dan kien ftehim storiku li ppermetta li Malta tesporta l-ewwel prodotti tagħna fiċ-Ċina tul din is-sena.

“Tajjeb wieħed jgħid li l-prodotti Maltin jitqiesu bħala tal-aqwa kwalità mill-konsumaturi Ċiniżi u wara l-verifikazzjonijiet neċessarji, dan il-pajjiż tant kbir fil-kontinent Ażjatiku beda jirċievi tunnellati ta’ prodotti minn Malta. Dan il-fenomenu, kif qed insejjaħlu, b’xorti tajba mistenni jkompli fis-snin li ġejjin.”

Gouder spjega li l-Federazzjoni dan l-aħħar irristrutturat lilha nnifsiha u saħaq li se jkomplu jittieħdu miżuri biex ikunu jistgħu jirresponsabiliżżaw l-industrija. Gouder stqarr li l-Federazzjoni tirrapreżenta 75% tal-operaturi f’Malta u lill-operaturi lokali.

Dr Gouder semma’ wkoll li dawn ir-riżultati ma fissrux biss kwistjonijiet kummerċjali li din l-industrija kapaċi tissupera iżda wkoll fenomenu ieħor ambjentali li hu t-tibdil tal-kwalità tal-ilma baħar li wkoll qed teffettwa l-kompetittivita’. Dan kollu skont Gouder, qed iwassal għall-iktar sfidi fil-produzzjoni minkejja kull iċċekkjar lejn kwalità superjuri. Dawn l-isfidi bdew fl-2023 u mistennija jissoktaw sal-aħħar ta’ din is-sena.
Huwa tenna li Malta għandha reputazzjoni tajba fis-swieq internazzjonali partikolarment fl-istess Ġappun u ċ-Ċina u dan kollu ma jridx jintilef iktar u iktar meta hawn diversi kunflitti għaddejjin u diversi kurrenti oħra kapaċi jtellfu dan kollu. L-effett ta’ dawn l-aħħar sfidi taw lok li jkun hemm żieda fil-produzzjoni iżda tnaqqis fil-qligħ. Dan kollu żgur li mhux daqshekk bilanċjat iżda minħabba li l-akwakultura kompliet tissaħħaħ b’għaqal u ħafna xogħol, l-affarijiet ftit ħallew impatt, għallinqas għalissa.

Finalment kull tibdil jew sfidi ma jiqfux. Dan l-aħħar l-effetti fit-tibdil fil-klima qed toħloq sfida mhux biss f’Malta iżda wkoll f’pajjiżi oħra li jridu jaddattaw għal dawn il-problemi. U iktar ma jaddattaw, iktar isiru reżiljenti u kapaċi jkunu versatili.
“Dan kollu ma sarx b’kumbinazzjoni iżda kien hemm ħidma kbira minn dawk kollha involuti. Ingħatajna ċ-ċavetta biex inkomplu għaddejjin minkejja kull ostaklu li ltqajna miegħu. Fiduċjuż għall-futur speċjalment għax għandna ħaddiema kapaċi li jagħmlu dawn il-problemi kollha f’opportunitajiet.”

Dr Gouder temm jgħid li dan huwa frott tal-għaqal tal-operaturi li qed joperaw f’pajjiżna. Huwa temm jgħid: “Naħseb dan l-isem ta’ reputazzjoni tajba ġej mill-fatt li matul iż-żmien l-operaturi u l-industrijalisti għarfu jibnu industrija li l-ebda pajjiż ieħor ma rnexxielu jibni.”

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport