Wednesday, December 25, 2024

Daqshekk bejgħ ta’ karozzi ġodda jaħdmu bil-petrol u d-dijżil… proposta tal-Kummissjoni Ewropea għas-sena 2035

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Forsi ħafna minnkom minkejja li ġieli semgħuha ftit li xejn emmnu li tista’ ssir fl-immedjat. “Min jaf meta ssir?” “Kif tista’ qatt tneħħi l-karozzi tal-petrol u d-dijżil it-toroq?” Min jaf kemm smajna in jgħid hekk. Ir-realtà imma hi, li dak li ħafna kienu jaħsbu li ma jistax iseħħ jew hu l-bogħod milli jseħħ, issa qed jirriżulta li mhux daqstant bogħod. Illum għandna data, dik tas-sena 2035 meta l-Kummissjoni Ewropea trid li ma jkunx permess aktar bejgħ ta’ karozzi ġodda jaħdmu bil-petrol u d-diesel.

Bliet kbar Ewropej qed jippjanaw li saħansita miżura bħal din, li qed toħoq oġġezzjonijiet kbar mill-industriji tal-karozzi, jimplimentawha sas-sena 2030.  Ta’ min jgħid li Malta kienet wieħed minn disa’ pajjiżi li ftit ġimgħat ilu kitbu lill-Kummissjoni Ewropea biex titħabbar data ta’ meta għandhom jitwaqqfu karozzi ġodda li jaħdmu bil-petrol u d-dijżil.

Dawn il-proposti tal-Kummissjoni Ewropea li jridu jiġu approvati mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropea, proċess li jista’ jieħu sa sena u nofs, hum parti minn sett ta’ miżuri biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima. Din il-leġiżlazzjoni għandha l-għan li telimina l-emmissjonijiet tal-karbonju sas-sena 2050. Fost il-miżuri approvati hemm  pjani dwar taxxa tal-fjuwil tal-ajruplani.

Jekk wieħed janalizza sew il-pjan preżentat mill-Kummissjoni Ewropea isib li dan irid li l-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju minn karozza ġodda fis-sena 2030 ikun madwar 55 fil-mija inqas mil-livelli li kellna din is-sena. Din il-mira Ewropea hi madwar 13 fil-mija aktar mill-mira li kienet ġiet stabbilita u li kienet ta’ 37.5 fil-mija tnaqqis fid-diossidu tal-karbonju għas-sena 2030.  

Jidher li hemm pajjiżi li qed jippjanaw li jwaqqfu l-bejgħ ta’ karozzi ġodda li jaħdmu bil-petrol u d-dijżil fis-sena 2030. Ewlenin fost dawn hemm l-Olanda u d-Danimarka.

Mir-rapport jirriżuta li s-settur tat-trasport jikkontribwixxi madwar kwart tal-emissjonijiet serra fl-Unjoni Ewropea.  Is-settur tat-trasporrt hu meqjus bħala wieħed mill-akbar kontributuri tat-tniġġis b’mod partikolari fl-ibliet. 

Il-konsumaturi kif se jkunu affettwati?… mistennija jonqsu l-prezzijiet tal-karozzi elettriċi

Sorsi qrib is-setttur tat-trasport meta mitluba jikkummentaw dwar dawn il-proposti u l-effett tagħhom fuq il-konsumatur qalulna li “din id-deċiżjoni kienet ilha mistennija. Anki aħna bħala pajjiż ilna nsemmu u ngħidu li se jkun hemm data ta’ meta l-karozzi li jaħdmu bil-petrol u d-dijżil ma jibqgħu jinbiegħu.

Xi darba riedet tasal. Illum qed nisimgħu li hemm pajjiżi qed iħarsu lejn is-sena 2030. Il-Kummissjoni Ewropea qed tagħmilha sa 2035. Naħseb il-konsumatur jinħasad kif jisma’ aħbar bħal din. Naħseb imma li m’għandux għalfejn. Nemmen li fis-snin li ġejjin se nkunu qed naraw bidliet mhux żgħar mill-industrija biex tilqa’ għal dan.

Qed nistenna li l-prezzijiet tal-karozzi li jaħdmu bl-elettriku jonqsu u jkunu affordabbli għal pubbliku inġenerali. Illum hu fatt li l-konsumatur ma jarahiex vijabbli li jmur għal karozza tal-elettriku minkejja l-inċentivi li saru. Il-konsumatur għadu jara dawn il-karozzi għaljin bħala prezz. Nemmen li b’dak imħabbar il-prezz ta’ daw il-karozzi għandu jonqos”.

Kritika għax il-Kummissjoni Ewropea qed tagħżel teknoloġija waħda biss

Fejn jirrigwarda id-deċiżjoni marbuta mal-karozzi b’magni petrol jew dijżil, l-industrija tal-manifattura tal-karozzi fl-Ewropa ħarġet qatt bla ħabel kontra dawn il-proposti. Huma qed jargumentaw li l-Kummissjoni Ewropea qed tagħżel it-teknoloġija tal-karozzi li jaħdmu bl-elettriku u qed tinjora teknoloġija li tuża taħlita ta’ enerġija alternattiva.

Problema fl-infrastruttura… anki f’pajjiżna

Waħda mill-problemi li qed tissemma biex jintlaħqu dawn il-miri marbutin mat-tneħħija tal-karozzi jaħdmu bil-petrol u d-dijżil hi dik marbuta maċ-charging points għall-karozzi elettriċi.  L-Unjoni Ewropea qed timmira li fl-Ewropa jkun hemm madwar miljun charging point għall-vettturi elettriċi sas-sena 2025 u tlett miljuni sas-sena 2030. Hu stmat li sas-sena 2050 ikun hemm 16.3 miljun charging point. 

Bil-proposti l-ġodda, l-istati membri irid jespandu l-kapaċità tagħhom ta’ charging points.  Filfatt il-proposti jgħidu li għandu jkun hemm charging points kull 60 kilometru, waqt li għandu jkun hemm hydrogen fuelling points kul 150 kilometru.

Qed ikun proposti li ċ-charging points fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea għandhom jibdew jaċċetaw pagamenti elettronici sas-sena 2027. Qed jisħqu ukol li l-prezzijiet  iridu jkunu komparabbli, trasparenti u mhux diskiminatorji. Qed jiġi enfasizzat li l-prezz irid ikunu għal kull sessjoni, minuta jew kWh.

L-istess rapport isemmi kif l-Unjoni Ewropea trid toħloq sistema ta’ taxxi li tiżgura li dak li jniġġeż l-aktar ikunu intaxxat l-aktar. Dan ifisser taxxi akbar fuq id-dijżil u dan għax minkejja li d-dijżil iniġġeż aktar mill-petrol, it-taxxa fuq id-dijżil fil-preżent hi inqas.

404,303 vettura f’Malta… żieda ta’ kważi 5,000 vetttura fi tlett xhur

Intant 404,303 hu l-ammont ta’ vetturi liċenzjati f’Malta sa l-aħħar ta’ Marzu ta din is-sena. Minn dawn 76.5 fil-mija huma karozza tal-passiġġieri  waqt li 13.9 fil-mija huma vetturi kummerċjali waqt li 8. 5fil-mija huma muturi jew quadricycles. Il-minibuses u l-karozzi tal-linja jammontaw għa inqas min 1 fil-mija.  Matul l-ewwel kwart ta’ din is-sena il-vetturi liċenzjati f’pajjiżna kienu qed jiżdiedu bir-rata ta’ 21 kujum. Fl-ewwel tlett xhur ta’ din is-sena kien hemm żieda ta’ 4,921 vettura liċenzjata fuq it-toroq Maltin.

Ekonomija

Sport