Numru għoli ta’ ħaddiema fis-saffa ta’ isfel tas-suq tax-xogħol huma l-vittmi ta’ “serq tal-pagi” u vjolazzjonijiet oħra fuq il-post tax-xogħol minn min iħaddem, li jċaħħdu lill-ħaddiema minn perċentwal tal-paga tagħhom ta’ kull ġimgħa.
Nisimgħu b’ħafna każi li ħaddiema, kemm Maltin kif ukoll barranin, jitħallsu inqas mill-paga minima, xi kultant jaħdmu s-sahra u ma jitħallsux kif suppost, oħrajn jaħdmu barra l-ħin stipulat u ma jitħallsux, kif ukoll ma jingħatawx ilbies protettiv meta jkun hemm bżonnu. L-iktar ħaġa kbira hija li dan l-abbuż qed jiżdied. Realtà skandaluża u nittama li l-awtoritajiet jieħdu pożizzjoni iebsa kontra min jabbuża.
Dan l-abbuż huwa mifrux f’diversi setturi, mhux tal-kostruzzjoni biss. Hemm ħaddiema domestiċi, ħaddiema fuq il-laneċ tas-sajd, fil-massage parlours, dawk fir-restoranti u postijiet tad-divertiment u ħwienet oħrajn.
Waħda mill-vjolazzjonijiet l-aktar mifruxa hija li ħafna ħaddiema ma jingħataw l-ebda dokumentazzjoni tal-paga, kif dovut bil-liġi. Apparti tnaqqis mill-paga għal għodod, materjali, uniformijiet, ħsara jew telf relatati max-xogħol, għalkemm dawk li jħaddmu ġeneralment mhumiex permessi jagħmlu dan.
Apparti li kull abbuż huwa kundannabbli u ta’ stmerrija kbira, qed joħloq ukoll kompetizzjoni inġusta ma’ min jimxi mal-liġi.
Fin-norma ħaddiem jagħżel li jingħaqad f’unjin, li se tħares u tiddefendi l-interessi tiegħu kontra l-inġustizzji u l-abbużi fuq il-postijiet tax-xogħol, għalkemm fadal numru ta’ ħaddiema Maltin u barranin li jinsabu jaħdmu f’pajjiżna, li m’huma mħarsa mill-ebda unjin u qegħdin jispiċċaw jgħaddu minn dawn l-abbużi, filwaqt li jibżgħu jirrapportaw.
Diġà huwa diffiċli tgħix bil-paga minima, aħseb u ara titnaqqarlek b’mod inġust.
Filwaqt li jeżisti infurzar u sorveljanzi, jidher ċar li mhux qed ikun biżżejjed. Hemm bżonn li n-nuqqas ta’ konformità mal-istandards tax-xogħol ma jibqax jiġi ttollerat. Dawk li jabbużaw għandhom jiġu penalizzati u jieħdu li ħaqqhom.
Ix-xogħol għandu jkun id-dinjità tal-persuna u mhux l-umiljazzjoni.