Sunday, December 22, 2024

“Daqshekk inħbejna wara subgħajna nesportaw l-isfida ta’ dawn il-koppji barra minn Malta”

Il-Prim Ministru Robert Abela jappella għal vot favur bidliet għal aktar ħajjiet

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Għal diversi koppji, trattament barra mill-pajjiż kien l-unika soluzzjoni biex isiru ġenitur biex jevitaw li jgħaddu minn trawma oħra minħabba l-kundizzjonijiet ġenetiċi tagħhom”. Iddikjara dan il-Prim Ministru Robert Abela fid-diskors tiegħu tal-ftuħ tad-dibattitu parlamentari b’rabta mal-emendi fil-liġi tal-IVF. Il-Prim Ministru kien ċar fid-diskors tiegħu u qal li għażel li jitkellem dwar il-ħsibijiet taċ-ċittadini li ġarrbu jew qegħdin iġarrbu minħabba soluzzjonijiet li s’issa għadhom ma ngħatawx. 

Dr Abela tkellem dwar l-esperjenzi ta’ żewġ koppji li spiċċaw tilfu t-trabi tagħhom wara biss ftit xhur minħabba kundizzjonijiet ġenetiċi. Huwa qal li l-ħsibijiet tiegħu ma jħoss li jiswew xejn ħdejn ta’ dawk li ġarrew jew qegħdin iġorru s-salib meta hawn soluzzjonijiet li tista’ toffri x-xjenza.  

Il-Prim Ministru qal li jiftakar ċar lil Manuel li tkellem miegħu dwar kif għamel iljieli sħaħ imqajjem biex jassigura, anke forsi sakemm jista’ li ibnu ma jifgax waqt l-irqad. Spjega li hu personalment ġie muri filmat tat-tbatija li kellha tgħaddi minnha t-tarbija. Kompla biex jgħid li t-tbatija għat-trabi tieqaf mal-aħħar nifsijiet, iżda għal Manuel u martu Amanda t-tbatijiet kienu għadhom se jibdew mingħajr emendi bħal dawk li bdew jiġu diskussi fil-parlament.

“Stajna nagħżlu l-eħfef triq imma aħna qegħdin hawn biex noħolqu soċjetà aktar ġusta li tagħti l-istess ċans lil kulħadd”

Robert Abela

Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar l-esperjenza ta’ Jason u martu li kellhom binthom b’kundizzjoni rari oħra li ma ħalliet l-ebda tama għalihom li jsalvaw lil binthom. Dawn il-ġenituri kienu qalulu li kienu jafu bix-xhur ta’ tbatija li kellhom jgħaddu minnha, iżda dejjem baqgħu jittamaw li dak li kellu jsir ma jsirx. Il-Prim Ministru qal li sa qabel dawn l-emendi, l-IVF barra minn pajjiżna kien l-unika soluzzjoni biex forsi jerġgħu jsiru ġenituri b’ċans li jerġgħu jgħaddu minn din it-trawma minħabba l-kundizzjoni ġenetika tagħhom.

“Li tkun indifferenti forsi tkun l-eħfef triq, iżda tista’ tkun tfisser nuqqas ta’ ġustizzja, iżda aħna qegħdin hawnhekk biex noħolqu soċjetà aktar ġusta li tagħti l-istess ċans lil kulħadd”, saħaq il-Prim Ministru Robert Abela filwaqt li tenna dwar id-dmir li r-rappreżentanti jaslu għal soluzzjoni li twettaq ġustizja ma’ dawn il-ġenituri li tkellmu fost ħafna u ħafna aktar ġenituri li għadhom mhux isibu l-kuraġġ biex jaqsmu l-weġgħat tagħhom. Dr Abela għażel li jitbiegħed mill-kliem tekniku biex jinftiehem aħjar u spjega li fi kliem sempliċi jħoss li il-parlament għandu jiddeċiedi jekk iridx jgħin lil dawn il-familji jew iħallihom ibatu, jekk iridx aktar ħajjiet ġodda jew le, u fuq kollox jekk iridx iħalli x-xjenza tgħin għal aktar ħajjiet li jgħixu jew li jħalli tarbija li tmut fil-ġuf jew li tmut wara ftit xhur ta’ sofferenza mit-twelid.

Il-Prim Ministru żied jgħid li “ma nistgħux nibqgħu ninħbew wara sugħajna billi nesportaw l-isfidi ta’ dawn il-koppji barra minn pajjiżna”. Hawnhekk sostna li wasal iż-żmien li dan il-gvern jaġixxi u se jaġixxi biex jindirizza l-ewwel ċirkostanzi sa minn qabel it-tqala qabel jibdew is-sofferenzi u l-problemi bla bżonn.

Tkellem dwar ir-riforma biex ikun jista’ jsir il-Preimplantation Genetic Testing for Monogenic disorders (PGTM) skont protokoll serju u stabbilit biex l-IVF tkun esperjenza pożittiv. HUwa kien ċar li mhux se jkun hemm il-ħtieġa jew id-dritt li kulħadd jagħmel dan it-test anzi se jkunu jistgħu jagħmluh dawk li jafu li jekk ma jagħmluhx, minflok il-ferħ li ġġib magħha tarbija se jkollhom jiffaċċjaw l-imrar ta’ tqala jew twelid li miegħu jġib sofferenzi kbar ta’ mard serju mingħajr l-ebda kura li saħansitra jwassal biex f’xi każi jkollok il-mewt tat-tarbija wara biss ftit xhur.

“Din il-bidla tixhed li aħna nibqgħu l-iktar forza progressiva f’pajjiżna”

Robert Abela

Huwa sellem l-esperti mediċi li jagħmlu tagħhom l-esperjenza tal-pazjent u jgħixu miegħu dan il-vjaġġ. Iddikjara li huwa jinsab fiduċjuż dwar is-servizz tas-saħħa ta’ pajjiżna li huwa wieħed mill-aqwa fid-dinja.

Tkellem ukoll dwar it-tisħiħ fl-infrastruttura medika li tara li jkun hemm tisħiħ fis-servizz u t-teknoloġija b’investiment li tgħin biex pajjiżna jsaħħaħ l-aspett kliniku kif ukoll mediku.  

Il-Prim Ministru kellu kliem iebes għal stqarrija min-naħa tal-Oppożizzjoni li skontu kienet ibbażata fuq miżinformazzjoni u argumenti li jreġġu xejn. Huwa kkwota parti mill-istqarrija li kienet tgħid li “Ma nistghux f’xahar niċċelebraw l-olimpjadi speċjali u f’xahar ieħor nipproponu liġijiet li jċaħħdu lit-trabi b’kundizzjonijiet ġenetiċi”. Saħaq li dan kien argument inġust u fqir fil-konfront ta’ koppji li b’dan il-mod minflok jiġu offruti s-soluzzjonijiet, l-oppożizzjoni xeħtet il-ħtija fuqhom. Dr Abela qal li din mhix ir-realtà tagħhom u li min kien hemm biex jisma’ l-weġgħat tagħhom fehem sewwa li r-realtà tagħhom hi dik bejn ħajja jew mewt jew agħar minn hekk ħajja li mhi ħajja xejn minħabba li hija limitata u mimlija tbatija.

Il-Prim Ministru qal li jittama li dan id-dibattitu jkun iddominat mill-fatti u bbażat fuq kif se noffru ħajja aħjar lil dawn il-familja u mhux fuq id-dikjarazzjonijiet bl-addoċċ bħal dawn. Kompla biex iżid li l-aħħar ħaġa li jridu jisimgħu dawn il-koppji huma dikjarazzjonijiet insensittivi bħal dawn.

“Ma nistgħux nibqgħu nkunu insensittivi quddiem ir-realtajiet ta’ dawn il-koppji”

Robert Abela

“Magħna n-nies jafu fejn qegħdin u l-obbligu tiegħi bħala Prim Ministru huwa li fejn hemm, insibu s-soluzzjonijiet u nimplimentawhom. Dawn huma bidliet li wegħedna b’mod ċar ħafna fil-manifest elettorali bi skop li huwa wieħed ċar ħafna li nkunu ċari kristall mal-poplu biex ma niġux hawn b’xi kompromess li jkun soluzzjoni artifiċjali. Konna ċari u spjegajna fl-attivitajiet tagħna u qsamna wkoll ir-rakkonti ta’ persuni li semgħu u bkew quddiem dawn ir-realtajiet”, spjega l-Prim Ministru.

Fakkar kif din il-ġimgħa stess, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-Oppożizzjoni kienet ivvutat favur l-emendi dwar l-IVF u li wara ġie f’dubju bħal dawk kollha li kienu preżenti fl-2018 meta dakinhar il-Kap tal-Oppożizzjoni ta’ free vote u l-Oppożizzjoni vvutat kontra. Għal dawk li vvutaw kontra dak iż-żmien, il-Prim Ministru qal li jittama li din id-darba jkun hemm għaqda li s’issa jidher li se tibqa’ tama minħabba l-ewwel dikjarazzjonijiet min-naħa tal-Oppożizzjoni. Fakkar ukoll il-frott tal-emendi li saru snin ilu li wasslu għat-twelid ta’ mijiet ta’ trabi, aktar minn 420 li twieldu bil-proċedura tal-IVF.

“Dawn l-emendi se jwessgħu dan iċ-ċans u dan se jsir mhux billi ngħidu lin-nies morru barra u araw intkom, iżda se jsir f’pajjiżna stess”, tenna Dr Abela

Irrakkonta dwar żewġ esperjenzi oħra ta’ omm u nanna. L-omm qaltlu li biex kellha lit-tliet uliedha kellha tonfoq kulma kellha. Persuna oħra li ltaqa’ magħha l-Belt kienet nanna li kienet fil-kumpanija ta’ tfajjel li twieled bl-IVF. Dik in-nanna qaltlu dwar l-isfidi li kellha taffaċċja l-omm minħabba numru ta’ injezzjonijiet li kellha tieħu fil-proċess u li mnalla kellha l-appoġġ tal-familja. Saħaq li dan il-gvern se jara li dan it-trattament jingħata f’pajjiżna biex b’hekk dawn in-nisa jkollhom is-sostenn kollu ta’ dawk l-aktar għeżież għalihom mingħajr spejjeż żejda.

“Din hija bidla li tixhed li aħna nibqgħu l-iktar forza progressiva f’pajjiżna. Mhux biex nieħdu gost ngħidu li aħna progressivi, imma biex naqtgħu l-frott tal-kuraġġ li għandna biex inġibu l-bidla”, temm jgħid Dr Abela.

EMENDI MAĠĠURI

  • Twessigħ ta’ dawk eleġibbli għall-proċess tal-IVF biex l-ogħla età titla għal 49 sena.
  • Tinbidel id-definizzjoni ta’ ċiklu għal aktar ċikli mingħajr ħlas u dawk li diġà użaw tliet ċikli se jiġu offruti ċiklu ieħor.
  • Opportunità għat-tieni wild lil kulħadd inklużi dawk li diġà kellhom tarbija bl-IVF jew oħrajn li welldu tarbija b’mod naturali u issa qegħdin isibu diffikultà.
  • Iffaċilitat il-proċess għal ċans akbar lil dawk bl-embrijuni barra mill-pajjiż biex iġibu Malta sa żewġ embrijuni minn kull ċiklu.
  • Bidliet li se jaraw li persuni relatati b’affinità jistgħu jsiru ġenituri.
  • Tiżdied l-età massima ta’ donatur għal 36 sena neqsin ġurnata minn meta ssir id-donazzjoni u mhux meta tasal f’Malta.
Ekonomija

Sport