L-industrija globali qiegħda tiġġarraf taħt il-piż tal-inugwaljanza, l-inflazzjoni u l-isfruttament sistemiku. Dan is-sajf, minn New Delhi sa Brisbane, il-ħaddiema qegħdin jgħollu leħinhom f’azzjonijiet industrijali paċifiċi. Dawn l-azzjonijiet mhumiex isiru b’marċi u vjolenza iżda bil-metodu klassiku u qawwi tal-istrajk. Kull każ għandu l-kuntest soċjali, politiku u ekonomiku tiegħu iżda l-messaġġ huwa wieħed – daqshekk nuqqas ta’ rispett u daqshekk sfruttament.
F’dawn l-azzjonijiet industrijali naraw saħħa kollettiva ta’ ħaddiema li qegħdin jgħidu, “jien għadni hawn u se nurik x’jiġri meta nagħmel eżattament dak li hemm fil-kuntratt u xejn iżjed.” Nagħtu ħarsa lejn erba’ każijiet li qegħdin juru mhux biss rikonoxximent ġdid tal-kapaċità kollettiva tal-ħaddiema, imma wkoll spirtu ta’ kuraġġ u determinazzjoni li jixhed era ġdida ta’ attiviżmu industrijali.
F’kull każ ir-reazzjoni kienet risposta għal sistema li qiegħda tfalli – minn Gvern li jippromwovi l-interessi tan-negozji fuq dawk tal-ħaddiema sa istituzzjonijiet li joffru żidiet simboliċi f’ambjent ta’ inflazzjoni bla kontroll.
L-Indja: L-istrajk sar mezz ta’ reżistenza kollettiva
Fl-Indja l-ħaddiema rreġistraw waħda mill-akbar azzjonijiet industrijali għal din is-sena. Id-9 ta’ Lulju fil-fatt ġiet iddikjarat bħala “Bharat Bandh” – magħluq għal kollox – b’parteċipazzjoni massiva minn għaxar unjins li jirrappreżentaw banek, minjieri, trasport, manifattura u servizzi pubbliċi.
Din l-azzjoni, li ħarġet f’forma ta’ strajk ta’ ġurnata u skont rapporti fiha pparteċipaw aktar minn 250 miljun ħaddiema, kienet reazzjoni diretta għal riformi ekonomiċi imposti mill-Gvern ta’ Modi, meqjus bħala theddida għall-istabbiltà u d-dinjità tax-xogħol.
Il-protesta ma kinitx biss dwar il-pagi imma kienet ukoll kontra mudell sħiħ ta’ politika neoliberali li tqis lill-ħaddiem bħala numru u mhux bħala bniedem. Protesta li saret kontra riformi ekonomiċi, il-privatizzazzjoni u tibdil fir-regoli tal-ħaddiema.
F’dan il-kuntest l-istrajk sar mezz ta’ reżistenza kollettiva. Blokk totali tat-trasport f’belt bħal Kolkata u dewmien mifrux fil-linji tal-ferroviji huma simboli mhux ta’ diżordni iżda ta’ reżistenza organizzata. Din hija l-Indja taħt tensjoni fejn il-ħaddiema qegħdin jisħqu li l-iżvilupp ma jsirx għall-prezz qares li jhedded l-għixien tal-istess ħaddiema.
L-Ingilterra: Vot favur azzjoni industrijal estensiva
Fl-Ingilterra l-ġlieda tinsab f’forma ħafna iktar professjonali iżda mhiex inqas urġenti. Il-junior doctors tas-Servizz Nazzjonali tas-Saħħa (NHS), organizzati mill-Assoċjazzjoni Medika Ingliża, ivvotaw b’maġġoranza assoluta favur azzjoni industrijali estensiva.
Din d-deċiżjoni, skont ma qiegħda tisħaq l-unjin tagħhom, ma ttieħditx ta’ b’xejn. Dan għax jingħad li mill-2008, il-paga tal-ħaddiema involuti naqset b’aktar minn kwart f’termini reali. Il-gvern Ingliż min-naħa tiegħu pprova jikkalma s-sitwazzjoni b’żieda ta’ 5.4%, mossa li ġiet meqjusa bħala insult għall-grupp ta’ ħaddiema li qiegħed fuq quddiemnett ta’ kull kriżi tas-saħħa pubblika.
Il-messaġġ mill-isptarijiet Ingliżi huwa ċar – dan mhuwiex strajk bħall-oħrajn. Huwa appell għal ġustizzja ekonomika u rikonoxximent tal-valur tal-ħajja professjonali medika. Kull operazzjoni posposta, kull pazjent li jistenna, huwa vittma wkoll tas-sistema li tfalli lill-ħaddiema tagħha.
Hawnhekk, l-azzjoni industrijali qiegħda ssir biex tinstiga kuxjenza morali għal politika li tilfet is-sens ta’ solidarjetà.
L-ajruport ta’ Glasgow: Jiem ta’ paraliżi totali…
L-istess jista’ jingħad għal dak li qiegħed jiġri fl-ajruport ta’ Glasgow. Hawnhekk madwar 100 ħaddiema mid-dipartimenti tal-inġiniera, uffiċjali u dawk li jieħdu ħsieb il-bagalji ddeċidew li l-24 u l-25 ta’ dan ix-xahar ikunu jiem ta’ paraliżi totali. L-offerta ta’ żieda ta’ 4% mis-sidien tal-ajruport ġiet deskritta bħala redikola f’kuntest fejn l-għoli tal-ħajja m’għadux sostenibbli.
Il-membri tal-unjin “Unite” jagħmlu parti minn sezzjoni fl-ajruport li ħafna drabi ma tidhirx imma mingħajrhom l-ajruport innifsu ma jiffunzjonax.
Il-fatt li l-istrajk jiġi eżatt fiċ-ċentru tal-istaġun turistiku tas-sajf mhuwiex b’kumbinazzjoni. Dan huwa kalkolu strateġiku fejn l-impatt mhux biss se jinħass fuq il-linja ekonomika, iżda wkoll fuq il-perċezzjoni pubblika.
Meta mijiet ta’ titjiriet jiġu mħassra jew ikun hemm dewmien, in-nies se jibdew jistaqsu: min verament qiegħed imexxi l-pajjiż? Hemm xi messaġġ aktar ċar minn dan?
L-Awstralja: Azzjoni industrijali gradwali
Fl-aħħarnett, fl-Awstralja hemm sitwazzjoni iktar sottili iżda mhux inqas qawwija. Il-unjin tal-infermiera u l-qwiebel fi Queensland iddeċidiet li teskala l-azzjoni tagħha b’mod gradwali. Dan billi tirtira minn xogħol mhux kliniku bħalma huwa tindif, tqassim tal-ikel u informazzjoni li tiddaħħal fi sistemi elettroniċi. Fl-azzjonijiet tagħha din il-unjin m’għażiltx it-triq radikali. Minflok għażlet dik razzjonali, strateġika u b’sens etiku. Fil-fatt, f’dan il-każ, il-pazjenti mhumiex se jsofru konsegwenzi diretti. Il-konsegwenzi tal-istrajk se jolqtu lis-sistema nnifisha.
Dawn l-azzjonijiet industrijali minn unjins madwar id-dinja mhumiex biss dwar flus. Huma dwar rikonoxximent, dinjità u sostenibbiltà soċjali. Jaċċennaw li l-ekonomija ma tistax taħdem mingħajr dawk li jaħdmu fiha u li progress veru qatt ma jista’ jkun mibni fuq sfruttament u disprezz lejl il-ħaddiem ordinarju. Meta nħarsu lejn dawn l-azzjonijiet naraw xejra li mhiex se tieqaf. Naraw saħħa ġdida tal-unjins li mhux biss qegħdin jaħdmu għad-drittijiet tal-ħaddiema imma wkoll għall-moralità fid-dinja tax-xogħol.