Tuesday, April 8, 2025

Daqt tibda t-tieni fażi tal-proġett tal-Imsida Creek 

Aqra wkoll

It-tieni fażi tal-proġett tal-Imsida Creek se tibda dalwaqt, b’rotot tat-traffiku temporanji li se jidħlu fis-seħħ mit-12 ta’ April, kif ġie mħabbar minn Infrastructure Malta.

Is-sewwieqa li jivjaġġaw mill-Belt Valletta fid-direzzjoni ta’ Tal-Qroqq issa jridu jieħdu l-karreġġjata tal-lemin, jiksru mal-Monument tal-Ħaddiem, u jkomplu fi Triq Mikiel Anton Vassalli.

Min-naħa l-oħra, dawk li qed jivjaġġaw mill-Belt Valletta lejn Triq il-Wied tal-Imsida jridu jżommu l-karreġġjata tax-xellug u jibqgħu sejrin fid-direzzjoni ta’ Birkirkara.

Ir-rotot l-oħra mhux se jkunu affettwati minn dawn il-bidliet.

Infrastructure Malta qed tħeġġeġ lis-sewwieqa jippjanaw il-vjaġġi tagħhom minn qabel u jsegwu s-sinjali fuq il-post biex jevitaw dewmien. L-aġenzija rrakkomandat ukoll l-użu ta’ rotot alternattivi fejn possibbli biex titnaqqas il-konġestjoni.

Ix-xogħol ta’ kostruzzjoni tal-Proġett Msida Creek mistenni jġib miegħu xi tibdil fir-rotot ta’ kuljum hekk kif il-proġett javvanza. Il-proġett, li beda f’Novembru tal-2024, għandu l-għan li jtejjeb il-konnettività taż-żona permezz ta’ korsiji ddedikati għall-mixi u ċikliżmu, toroq ġodda, u moll b’disinn ġdid tul il-waterfront tal-Imsida. 20% tal-proġett huwa lest, ftit aktar minn erba’ xhur wara li beda x-xogħol.

Għal aġġornamenti dwar it-traffiku u informazzjoni dwar ix-xogħol li għaddej, Infrastructure Malta qed tħeġġeġ lis-sewwieqa jsegwu l-WhatsApp channel, fejn is-sewwieqa jistgħu jibqgħu nfurmati dwar id-devjazzjonijiet u l-progress tal-proġett.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport