Tuesday, December 24, 2024

Daqt tiġi inawgurata l-pixxina indoor ta’ daqs Olimpiku fil-Kumpless Sportiv tal-Kottonera

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela fl-aħħar jiem tkellem dwar il-potenzjal li għandha l-Kottonera. Qal li qed isir investiment bla preċedent f’din iż-żona bit-tnedija ta’ aktar proġetti ta’ fejda. Semma wieħed mill-akbar proġetti sportivi f’dan il-pajjiż, dik tal-pixxina indoor ta’ daqs Olimpliku fil-kumpless Sportiv tal-Kottonera b’investiment ta’ €14-il miljun li ftit tax-xhur se tiġi inawgurata.

Proġett ieħor li tkellem dwaru l-Prim Ministru kien dak tas-shore to ship li bis-saħħa tiegħu, dawk kollha li jgħixu fil-madwar tal-Port il-Kbir se jibbenefikaw minn titjib b’saħħtu fit-tnaqqis ta’ emissjonijiet. Il-bastimenti sorġuti fil-Port, meta jkunu marbutin se jkunu jistgħu jitfu l-magni tagħhom u jibdew jieħdu l-kurrent mill-art.

Il-Prim Ministru semma wkoll il-proġetti ta’ restawr ta’ swar u mużewijiet u l-ħolqien ta’ promenades ġodda li lkoll huma maħsubin sabiex il-familji tagħna jkollhom titjib fil-kwalità tal-ħajja tagħhom.

Huwa qal ukoll li “fil-ġimgħat li ġejjin irridu nibdew bil-proċess ta’ taħditiet, wara li implimentajna waħda mill-ewwel wegħdiet tal-manifest dik fejn parti mill-art tal-Università Amerikana f’Malta tajnieha lura lin-nies, fejn issa nidħlu fit-tieni parti li dak il-porzjon tal-art inżidu mal-parkeġġ u noħolqu wkoll spazju miftuħ.”

Dr Abela qal ukoll li b’żieda mal-ħolqien ta’ spazji miftuħa ġodda, irridu nagħtu kas dak li għandna diġà. Ġab bħala eżempju Ġnien Kottoner li jeħtieġ aktar manutenzjoni fejn “hemm irridu niffukaw il-ħidma tagħna biex dawn isirilhom l-investiment meħtieġ sabiex ikunu jistgħu jitgawdew mill-familji tagħna.”

Ekonomija

Sport