Friday, November 22, 2024

Dar San Ġużepp f’Għajnsielem se tibda topera f’Marzu li ġej

Aqra wkoll

Waqt żjara li għamel f’Dar San Ġużepp f’Għajnsielem, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri ħabbar li din id-dar għall-anzjani se tibda topera f’Marzu li ġej hekk kif huwa ppjanat li fi żmien sitt xhur isiru x-xogħlijiet kollha ta’ finishings, M&Es u furnishing. F’Marzu 2024, Dar San Ġużepp, mibnija fuq aktar minn tliet tomniet, se tkun qed tilqa’ l-ewwel 120 resident anzjan u anzjana fiha.

“Il-bżonn sabiex Għawdex ikollu dar għall-anzjani adegwata li tilqa’ għad-domanda dejjem tiżdied ta’ anzjani, ilu jinħass. Diversi fatturi wasslu sabiex il-proġett idum aktar milli previst sabiex jitlesta, fosthom il-proċess tal-procurement u appelli li saru inkluż fil-Qrati ta’ Malta. Għaldaqstant, wasalna fi ftehim mal-Kurja sabiex, minħabba d-dewmien mhux previst f’appelli u f’azzjonijiet legali f’dawn l-aħħar tliet snin, il-ftehim eżistenti mal-Kurja ġie estiż bi tliet snin oħra, bil-gvern ikun eżenti minn ħlasijiet addizzjonali,” qal il-Ministru Camilleri.

Dar San Ġużepp se tikkonsisti f’120 sodda fi kmamar kollha b’ensuite mifruxin fuq erba’ livelli, b’veduti tal-kampanja u l-baħar. Id-dar se tkun waħda tal-ogħla standards u aċċessibbli u se tikkonsisti f’żoni mdaqqsa ta’ spazji soċjali kif ukoll spazji ħodor fuq barra.

Il-Ministru Clint Camilleri temm jgħid li jħares ‘il quddiem sabiex mhux biss jara din id-dar kompluta iżda titgawda wkoll mill-anzjani residenti fil-gżira Għawdxija.

Sport