Hekk kif fl-aħħar jiem smajna b’diversi stejjer traġiċi, Joseph Cutajar magħruf bħala Dj JayCee kiteb messaġġ fuq il-midja soċjali fejn ħeġġeġ lil kulħadd b’mod partikolari lill-irġiel kollha biex ma jiddejqux ifittxu l-għajnuna għas-saħħa mentali.
Kiteb li hu ma jidejjaq xejn jgħid li darbtejn fil-passat ipprova jneħħi ħajtu b’idejh, iżda kien fortunat li sab l-għajnuna. Sostna li għadu sal-lum imur għal għajnuna.
“Problemi kulħadd għandu, ilsien in-nies l-iktar li tasal tagħmel kummidja… però jien fittixt l-għajnuna u ma nidejjaqx ngħid li għandi mmur sal-lum,” kiteb id-Dj JayCee.
Kompla fejn ħeġġeġ lill-irġiel kollu bħalu… “jekk għandkom problema tiddejqux tfittxu l-għajnuna. Le li tkun raġel u tfittex l-għajnuna mhux debbolizza, imma preġju li tifhem li għandek bżonn nies professjonali biex tiġġieled problema li tħossha ikbar minnek.”
Hu temm il-messaġġ billi qal li “ħajtek prezzjuża wisq”.