L-eks-futbolers Darren Debono u Jeffrey Chetcuti ġew arrestati b’rabta ma’ operazzjoni ta’ kontra l-kontrabandu li twettqet matul il-lejl li għadda.
It-Times of Malta rrapportat li numru ta’ rejds twettqu matul il-lejl ta’ bejn it-Tnejn u t-Tlieta.
Ir-rejds kellhom fil-mira lil Debono u lil numru ta’ persuni oħrajn li huma maħsubin li huma involuti f’kuntrabandu internazzjonali ta’ fjuwil.
Rapporti fil-midja jgħidu wkoll li fost dawk arrestati hemm ukoll l-avukat Arthur Azzopardi u l-accountant Chris Baldacchino, bit-tnejn jiġu interrogati inkonnessjoni ma’ suspett ta’ ħasil ta’ flus.
Darren Debono kien ġie arrestat fl-2017, flimkien ma’ Gordon Debono u l-mexxej ta’ milizja Libjana Fahmi Ben Khalifa. Huma kienu suspettati li kienu involuti f’ċirku ta’ kuntrabandu ta’ fjuwil li jlaħħaq il-miljuni ta’ ewro, li allegatament kellu konnessjonijiet mal-mafja Taljana u ma’ gruppi armati fil-Libja.