Saturday, September 21, 2024

Darts: Birżebbuġa Lions ikomplu bil-mument pożittiv

Aqra wkoll

It-tim promoss ta’ Birżebbuġa Lions komplew bil-mument pożittiv tagħhom hekk kif jinsabu jaqsmu l-ewwel post tal-klassifika tal-kampjonat 8-a-side tad-darts wara li ġew draw ta’ 4-4 kontra Floriana Ajax MCP.

Kienet logħba ferm bilanċjata għalkemm il-Lions fetħu vantaġġ ta’ tliet punti bil-Furjaniżi li bil-mod il-mod bdew ġejjin u saħansitra rnexxielhom iġibu d-draw wara li rebħu l-aħħar żewġ games.

F’logħba oħra ferm mistennija, iċ-champions Floriana Premier Car A spiċċaw bl-istess skor ta’ 4-4 kontra Ħamrun Bayern A.

Iż-żewġ naħat offrew darts mill-isbaħ u paxxew lil dawk preżenti hekk kif għandhom fl-iskwadri tagħhom plejers ta’ kwalita’.

Hekk kif il-Ħamruniżi fetħu vantaġġ ta’ żewġ punti, il-Furjaniżi kienu pronti ġabu l-iskor indaqs sabiex il-logħba baqgħet talterna minn vantaġġ għall-ieħor biż-żewġ naħat li fl-aħħar mill-aħħar spiċċaw fi draw.

Sliema Club Lounge A u Żejtun Laċċi Gold Lady Jewellers kisbu tliet punti importanti wara li għelbu lil PO’s Bar (5-3) u Ħamrun Bayern B (7-1) rispettivament.

Fit-tieni diviżjoni, il-leaders huma Birgu Boċċi Club A u Domus Men’s li rebħu l-konfronti tagħhom.

Il-Ġirbin għelbu 7-1 lil Żebbuġ Rangers DT filwaqt li Domus Men batew aktar milli mistenni sabiex rebħu 5-3 kontra Cox Bar.

F’aktar riżultati, Top Gun Bar kisbu tliet punti importanti wara riżultat pożittiv ta’ 7-1 kontra Leah’s Bar A filwaqt li Duke’s Darts Club għelbu lil Beland Żejtun 6-2.

Żejtun Laċċi Maypole jinsabu fl-ewwel post tat-tielet diviżjoni fejn komplew bis-serje ta’ riżultati pożittivi wara li għelbu lil Tal-Ġilju Darts Team 6-2.
Munchies Bar kisbu l-ewwel rebħa tagħhom tal-istaġun wara li rebħu 6-2 lil Sliema Club Lounge B. Mill-banda l-oħra, kellna parita’ assoluta bejn Domus Ladies Team u Nicolo Isouard bl-iskor finali kien dak ta’ 4-4.

KLASSIFIKA – MDA L-EWWEL DIVIŻJONI

Floriana Premier Cars A, Birżebbuġa Lions 7, Żejtun Laċċi Gold Lady 6, Ħamrun Bayern A 4, Sliema Lounge A 4, Floriana Ajax MCP 2, Ħamrun Bayern B, PO’s Bar 0

KLASSIFIKA – MDA IT-TIENI DIVIŻJONI

Birgu Boċċi Club A, Domus Men’s 9, Duke’s Bar 7, Top Gun 4, Cox Bar 3, Beland Żejtun, Żebbuġ Rangers DT 1, Leah’s Bar 0

KLASSIFIKA – MDA IT-TIELET DIVIŻJONI

Żejtun Laċċi Maypole 9, Birgu Boċċi B 4, Tal-Ġilju 3, Nicolo Isouard 4, Munchies, Domus Ladies 3, Tal-Balklor , Leah’s Bar B 1, Sliema Lounge B 0

Sport