Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet it-tim nazzjonali Malti tad-darts lagħab diversi logħbiet ta’ ħbiberija kontra l-Awstrija fil-Kumpless Sportiv ta’ Ħal Kirkop.
Il-Maltin ipparteċipaw fil-kategoriji singles, doubles, seniors u ta’ tim.
Fil-kategorija tal-irġiel kien hemm Albert Scerri, Enrico Scerri, Norbert Attard, Anthony Borg u Anthony Caruana filwaqt li fil-kategorija tas-subien ħadu sehem Matti Satariano, Kyle Satariano u Gerard Spiteri.
Mill-banda l-oħra, Althea Ciantar u Joanne Borg li flimkien mal-plejer żagħżugħa Shanaia Montebello kienu r-rappreżentanti femminili.
Malta marru tajjeb fil-kategoriji kollha partikolarment tal-irġiel, tan-nisa u tas-seniors filwaqt li l-Awstrija ħadu l-kategorija tal-youths.
Fil-klassifika finali, l-Awstrijaċi għaddew lill-Maltin bi tmien punti biss hekk kif ġabu 210 punti kontra l-202 tal-Maltin.
Sadanittant għada jibda l-Malta International Darts Open li se jintlagħab fil-Kumpless Sportiv ta’ Ħal Kirkop.