Saturday, September 14, 2024

Darts: Qormi Hockey Club A iżidu l-vantaġġ

Aqra wkoll

Qormi Hockey Club A komplew żiedu l-vantaġġ tagħhom fil-klassifika tal-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni tad-darts meta għelbu l-isfida diretta ta’ Ħamrun Education 5-3. Dawn tal-aħħar taw qalbhom sabiex jippruvaw jagħtu sfida lil-leaders tal-klassifika fejn f’mumenti minnhom rebħu tliet games għalkemm il-qawwa ta’ Qormi dehret l-aktar lejn l-aħħar fejn rebħu l-aħħar żewġ logħbiet deċiżivi.

Mill-istess diviżjoni, Manchester Conquest Pub, Ħamrun Bayern A u Floriana Ajax A kisbu rebħiet identiċi ta’ 6-2 kontra Floriana Ajax B, PO’s Darts Club u Sliema Inter DC.

Mill-kampjonat tat-tieni diviżjoni, kompliet l-isfida bejn Fgura Darts B u Qormi Hockey Club B hekk kif it-tnejn li huma ddominaw il-konfronti rispettivi kontra Birżebbuġa St Peters u Żurrieq FC tant li rebħu 8-0.

Munchies għelbu lil Ħamrun Bayern B 7-1 filwaqt li Whyte Hart u Top Gun Bar offrew logħba kumbattuta tant li l-iskor finali spiċċa dak ta’ 4-4.

Anke t-tielet diviżjoni qed jiżvolġi f’wieħed ferm interessanti b’Banda B’Buġia 1990 u Beland Bull’s Eye li mhux biss qed jiġġieldu għall-promozzjoni iżda wkoll għar-rebħ tal-kampjonat.

It-tim minn Birżebbuġa kiseb rebħa ta’ 5-3 kontra Qormi Hornets filwaqt li Beland’s Bull Eye għelbu lil Mqabba FC 6-2. Anke St Paul’s Diamonds irreġistraw l-istess skor kontra Education Ladies filwaqt li Cox Bar taw walk-over fil-logħba li kellhom jilagħbu kontra Mqabba tal-Ġilju.

Sadanittant fil-Premier League of Darts tal-irġiel kienu Matthew Vella u Brian Abela li għaddew għal round ieħor wara li rebħu l-grupp rispettiv tagħhom. L-istess ħaġa ġrat fis-sezzjoni tan-nisa fejn il-plejers li kkwalifikaw kienu Amy Abela u Bev Keen.

Ekonomija

Sport