Saturday, September 14, 2024

Darts: Qormi Hockey Club A lura għar-rebħ

Aqra wkoll

Qormi Hockey Club A reġgħu rritornaw għar-rebħ fil-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni tad-Darts hekk kif għelbu lil PO’s Bar 6-2. Il-Qriema dejjem kienu fuq quddiem fil-logħba kontra l-Gudjani li għallinqas irnexxielhom jirbħu fis-sessjoni tad-doubles. Din ir-rebħa għenet ukoll sabiex l-ewwel tim ta’ Qormi Hockey Club isaħħaħ l-ewwel post tal-klassifika.

Ħamrun Bayern A qabżu fit-tieni post tal-klassifika wara rebħa tajba ta’ 5-3 kontra Manchester Conquest Pub bit-tim l-ieħor mill-Ħamrun iġifieri Education Men li niżel fit-tielet post wara telfa ta’ 5-3 kontra Floriana Ajax MCP A.

Sliema Inter DC komplew bil-mument pożittiv tagħhom wara li kisbu rebħa faċli ta’ 7-1 kontra Floriana Ajax MCP B.

Fil-kampjonat tat-tieni diviżjoni, Qormi Hockey Club B u Fgura Darts B offrew logħba ferm emozzjonanti u akkanita bir-riżultat finali ta’ 4-4 li kien l-iktar wieħed ġust.

Anke l-logħba bejn Buġibba White Hart u Munchies Buġibba żvolġiet f’waħda ferm interessanti fejn anke hawn ġie rreġistrat skor ta’ 4-4. Ħamrun Bayern B kisbu rebħa tajba ta’ 6-2 kontra Żurrieq FC filwaqt li Top Gun Bar ixxalaw u għelbu 8-0 lil Birżebbuġa St Peters.

Fil-kampjonat tat-tielet diviżjoni, il-liders baqgħu Banda Birżebbuġa 1990 hekk kif kisbu rebħa faċli ta’ 7-1 kontra Mqabba FC. Hekk kif it-tieni tim fil-klassifika Beland Bull’s Eye kienu bye, Mqabba tal-Ġilju u St Paul’s Diamonds kisbu rebħiet identiċi ta’ 5-3 kontra Ħamrun Education Ladies u Cox Bar rispettivament. Sadanittant kien hemm bilanċ assolut bejn Fgura Darts A u Qormi Hornets hekk kif ir-riżultat finali spiċċa 4-4.

KLASSIFIKA – L-EWWEL DIVIŻJONI

Qormi Hockey A 35, Ħamrun Bayern 30, Ħamrun Education 28, Floriana Ajax MCP A 27, Manchester Conquest Pub 19, Sliema Inter DC 17, PO’s Bar 6, Floriana Ajax MCP B 0

KLASSIFIKA – IT-TIENI DIVIŻJONI

Qormi Hockey B 37, Fgura Darts B 33, Buġibba Whyte Hart 25, Ħamrun Bayern B 22, Munchies Buġibba 21, Top Gun Bar 14, Żurrieq FC Darts 6, Birżebbuġa St Peter 0.

KLASSIFIKA – IT-TIELET DIVIŻJONI

Banda Birżebbuġa 1990 35, Beland Bull’s Eye 28, Qormi Hornets 25, St Paul’s Diamonds 24, Mqabba tal-Ġilju 16, Fgura Darts A 12, Cox Sports Bar 7, Mqabba FC Darts 6, Education Bar Ladies 1.

Ekonomija

Sport