L-attakkant internazzjonali Urugwajan, Darwin Nunez, iddiżappunta bil-kbir meta fid-debutt tiegħu f’Anfield huwa safa mkeċċi wara li ta daqqa ta’ ras lill-player avversarju Joachim Anderson, fid-draw ta’ 1-1 kontra Crystal Palace.
Id-diriġenti, l-istaff tekniku kif ukoll il-partitarji jinsabu mgħaddba għalih għal din l-azzjoni minkejja li matul il-partita kien provokat mid-difensur ta’ Crystal Palace.
Iżda l-manager, Jurgen Klopp, wiegħed li l-attakkant Nunez se jitgħallem minn dan l-iżball u jemmen li se jirritorna aktar b’saħħtu.
Huwa sar it-tieni plejer li tkeċċa fl-ewwel logħba tagħhom fil-Premier League għal Liverpool f’Anfield, wara Joe Cole, kontra Arsenal fl-2010.
“Darwin jaf li ħalla lil sħabu b’mod irresponsabbli. Se nibgħat għalih u se nkellmu,” qal Klopp.
Darwin sewa lil Liverpool €85 miljun mingħand Benfica li hija rekord tal-club.