David Azzopardi ġie elett Viċi President tal-Kumitat Olimpiku Malti (KOM) wara Laqgħa Ġenerali Straordinarja li saret bil-parteċipazzjoni tal-federazzjonijiet membri affiljati tal-Kumitat.
L-elezzjoni saret skont l-Istatut u r-Regolamenti Elettorali tal-Kumitat Olimpiku Malti.
L-elezzjoni kienet ikkontestata minn David Azzopardi, Dr Kirill Micallef Stafrace u Dr John Vella. Azzopardi kiseb total ta’ 35 vot u se jservi bħala Viċi President sal-konklużjoni tal-kwadrennju Olimpiku attwali. Matul l-elezzjoni li saret iktar tard il-lejla, Azzopardi ġabar 35 vot, Dr Micallef Stafrace kiseb 25 vot, filwaqt li Dr Vella kiseb 6 voti.
Il-Kumitat Olimpiku Malti rringrazzja lill-kandidati kollha li kkontestaw l-elezzjoni, filwaqt li rrikonoxxa r-rieda tagħhom li jikkontribwixxu l-ħin, l-esperjenza u l-impenn tagħhom lejn il-komunità sportiva Maltija u lejn l-iżvilupp kontinwu tal-isport f’Malta.

