Minn Cristian Muscat
Hekk kif David Azzopardi ġie elett Viċi President tal-Kumitat Olimpiku Malti (KOM) wara Laqgħa Ġenerali Straordinarja li rat il-parteċipazzjoni tal-federazzjonijiet membri affiljati, il-vot ċar li kiseb jiġifieri 35 vot kontra 25 għal Dr Kirill Micallef Stafrace u 6 għal Dr John Vella, jixhed mhux biss fiduċja personali, iżda wkoll rikonoxximent ta’ snin twal ta’ ħidma konsistenti fil-qalba tal-moviment Olimpiku f’Malta.
Azzopardi se jservi f’dan ir-rwol sal-konklużjoni tal-perjodu ta’ erba’ snin tal-kumitat Olimpiku attwali, f’mument kruċjali għall-isport Malti.
Meta mistoqsi kif qed iħares lejn dan ir-rwol ġdid f’intervista esklussiva li tana, Azzopardi jiddeskrivih bħala wieħed li jitlob impenn kważi full-time.
“Il-Viċi President huwa parti importanti ħafna mill-istruttura tal-Kumitat. Ma jfissirx li tagħmel kollox waħdek, imma li tkun ta’ għajnuna kontinwa lill-President, li taħdem id f’id mal-Kumitat Eżekuttiv u li tkun f’kuntatt kostanti mal-assoċjazzjonijiet sportivi u ma’ entitajiet li jiltaqgħu regolarment mal-Kumitat Olimpiku Malti,” jispjega. Ix-xogħol, jgħid hu, illum hu aktar maqsum, iżda dan ma jfissirx li hu inqas intensiv; anzi, ir-responsabbiltajiet żdiedu hekk kif l-isport Malti kiber u sar aktar strutturat.
L-esperjenza tiegħu fil-Kumitat Olimpiku Malti tmur lura 22 sena, perjodu li fih ra bidliet kbar kemm fl-operat intern kif ukoll fil-viżjoni. Azzopardi serva wkoll bħala Direttur tal-Finanzi, fi żmien meta r-riżorsi kienu limitati ħafna. “Meta bdejt jien, il-budget tal-Kumitat kien żgħir ferm. Kont nagħmel kollox waħdi, minn kontabilità sal-amministrazzjoni,” jirrakkonta.
Illum, il-KOM għandu accountant part-time, sinjal ċar ta’ kif il-baġit kiber u kif ix-xogħol sar aktar professjonali. “Ħassejt ukoll li kelli nagħmel pass lura minn ċerti rwoli u nħalli spazju għal persuni iżgħar u professjonali. Jien, pereżempju, qatt ma kont bankier għalkemm tajt daqqa’ t’id bl-aqwa mod possibbli sabiex il-fondi dejjem ikunu stabbli.”
F’dawn l-aħħar snin, Azzopardi ħa r-rwol ta’ Direttur tal-Akkademja tal-Kumitat Olimpiku Malti, inizjattiva li tiffoka fuq l-atleti żgħażagħ u fuq l-edukazzjoni sportiva minn età bikrija. L-Akkademja tinkludi tfal tal-primarja u s-sekondarja, u toffri programmi li jvarjaw minn attivitajiet sportivi bażiċi sa inizjattivi bħall-Olympic Day Run.
“Nagħmlu wkoll lezzjonijiet miftuħa għal kulħadd, u nilqgħu gruppi ta’ skejjel li jqattgħu nofs ta’ nhar f’mini sports day. Dan hu investiment fil-futur tal-isport Malti,” jgħid b’konvinzjoni. Fost il-ħolm li għadu għaddej hemm ukoll it-tkabbir tal-Mużew Olimpiku, li jservi bħala ċentru edukattiv u storiku għall-moviment Olimpiku f’Malta.
Ħolma oħra li ilna naħdmu fuqha u li forsi fiż-żmien qrib inħabbruha wkoll hi li jkollna ‘Hoiuse of Sports’ li tiġbor fiha ħafna assoċjazzjonijiet taħt saqaf wiehed u b’użu ta’ riżorsi flimkien.
Bħala għalliem, Azzopardi għandu perspettiva interessanti fuq il-bidla fil-mentalità sportiva tal-Maltin. “Il-mentalità tas-suċċess inbidlet ħafna. Il-Malti ta’ llum m’għadux dak ta’ 33 sena ilu li kien kważi jibża’ mill-barrani. Illum qed iħares ’il quddiem, ma jaqtax qalbu u jemmen aktar fih innifsu,” jgħid. Fil-passat, atleta Malti li kien jirbaħ barra minn Malta kien iħossu qisu rebaħ id-dinja; illum, l-ambizzjoni hi li dejjem tfittex il-pass li jmiss, il-livell ogħla.
Madankollu, mhux kollox inbidel. Azzopardi jinnota li l-kumdità tal-ħajja moderna ġabet magħha sfidi ġodda. “Sa ċertu punt, ngħixu fi gżira fejn kollox hu relattivament faċli li ssibu. M’hemmx dik it-tbatija li forsi kienet teżisti qabel, u ż-żgħażagħ qed jitilgħu b’din il-mentalità,” jgħid b’onestà. Skontu, biex tirnexxi fl-isport trid tkun lest li titħarreġ ħafna u tagħmel sagrifiċċji kbar. Hawnhekk jidħol ukoll il-fatt li l-professjonaliżmu f’Malta għadu limitat. “Forsi fil-football, waterpolo u fil-basketball nistgħu nitkellmu fuq ċertu livell ta’ professjonaliżmu, iżda f’ħafna sports oħra għadna lura. Il-qabża għadha ma saritx.”
Meta niġu għall-infrastruttura, Azzopardi jirrikonoxxi titjib kbir meta mqabbel ma’ 30 sena ilu. “Illum għandna ħafna aktar riżorsi. F’kull villaġġ kważi għandek grawnd tal-futbol, ħafna drabi qrib il-parroċċa,” jgħid. Iżda jemmen li l-futur irid jara bidla fil-mentalita’: “Issa għandna bżonn ċentru sportiv f’kull raħal, mhux bilfors tal-futbol. Il-ġinnastika, pereżempju, hi importanti ħafna. Jekk ġenitur ikollu tifla jew tifel interessat, għandu jkun jista’ jibagħtu qrib daru. L-għawm ukoll hu essenzjali għax jagħti dik l-edukazzjoni bażika.”
Hu jsemmi wkoll il-bżonn ta’ aktar ċentri indoor u jfaħħar il-kumpless tal-Marsa, li jinkludi faċilitajiet għall-weightlifting, squash u netball, mibni b’użu effiċjenti tal-art.
U mbagħad tasal il-mistoqsija li ħafna jsaqsu speċjalment dilettanti sportivi lokali: se tasal qatt dik l-imbierka midalja Olimpika għal Malta?
Azzopardi jibqa’ realistiku iżda ottimist. “San Marino waslu, allura mhux impossibbli. Aħna fadlilna ftit, iżda l-professjonaliżmu għadu nieqes,” jgħid. Ifakkar ukoll li Malta kienet qrib midalja fl-isparar, iżda l-mument ma wasalx. “Aħna se nkomplu ninvestu. Nemmen li bis-sistemi li għandna u bl-entużjażmu li jeżisti f’ċerti assoċjazzjonijiet, din il-midalja xi darba se tasal. Xejn mhu garantit, imma trid tibqa’ temmen u taħdem.”
L-elezzjoni ta’ David Azzopardi bħala Viċi President tal-Kumitat Olimpiku Malti, għalhekk, mhijiex biss riżultat ta’ votazzjoni, iżda kontinwità ta’ viżjoni: viżjoni ta’ esperjenza, edukazzjoni u twemmin li l-isport Malti, bil-pass it-tajjeb, jista’ jasal fejn forsi darba kien jidher impossibbli.

