Sunday, December 22, 2024

David Cameron lura fil-politika fir-Renju Unit

Aqra wkoll

Wara seba’ snin f’limbu politiku l-eks prim ministru Ingliż David Cameron reġa’ ssejjaħ lura fil-politika u nħatar ministru għall-affarijiet barranin wara taqliba drammatika li l-Prim Ministru Rishi Sunak għamel fil-kabinett tiegħu. Id-deċiżjoni għal ‘reshuffle’ ittieħed wara li tkeċċċiet il-ministru tal-intern Suella Braverman.

David Cameron kien irriżenja minn prim ministru u telaq mill-politika fl-2016 wara l-famuż referdum tal-Brexit li ra lir-Renu Unit jitlaq mill-Unjoni Ewropea. Cameron kien ikkampanja favur li r-Renju Unit jibqa msieħeb fl-UE, iżda r-riżultat tar-referendum favur il-Brexit kien meqjus bħala disfatta kbira għalih.

Bħala Segretarju għall-Affarijiet Barranin, Cameron se jieħu post James Cleverly li ngħata portafoll ġdid dak ta’ Segretarju tal-Intern minflok Suella Braverman li tkeċċiet mill-kariga wara li kkritikat bl-aħrax lill-Pulizija Metropolitana.

Qabel ir-ritorn ta’ David Cameron għall-politika diġa kien hemm spekulazzjonijiet li hu jista’ jissejjaħ lura, iżda dawn kien miċħuda. F’daqqa waħda, l-uffiċċju tal-Prim Ministru żvela mhux biss li l-eks Prim Ministru kien dieħel fil-House of Lords, iżda wkoll se jkun qed jieħu wieħed mill-aktar karigi għolja fil-gvern.

Waqt li l-aħbar kienet għadha qed tiġi mxerrda f’Westminster, Lord David Cameron kien diġà qed jaqdi dmirijiet uffiċjali, fosthom diskursata telefonika mas-Segretarju tal-Istat Amerikan Antony Blinken, fejn it-tnejn li huma “tennew is-saħħa u l-profondità tar-relazzjoni bejn ir-Renju Unit u l-Istati Uniti”.

Fi stqarrija, l-Uffiċċju tal-Affarijiet Barranin Ingliż stqarr li waqt it-telefonata kienu diskussi l-kunflitt fil-Lvant Nofsani, id-dritt tal-Iżrael li jiddefendi ruħu u l-ħtieġa għal pawżi umanitarji biex jippermettu l-mogħdija sikura tal-għajnuna f’Gaża.

F’diskors li għamel nhar it-Tnejn filgħaxija, il-prim ministru Sunak qal li kien bi pjaċir li ħatar lil Cameron segretarju għall-affarijiet barranin ġdid u sostna li l-kabinett il-ġdid huwa “tim magħqud” iżda mhux kulħadd fil-Partit Konservattiv huwa kuntent bir-ritorn ta’ Lord Cameron u fil-kabinett.

Fil-fatt, il-Backbencher, Dame Andrea Jenkyns, diġà ssottomettiet ittra ta’ sfiduċja fil-prim ministru.  Anki l-ex ministru tal-kabinett Konservattiv Sir Jacob Rees-Mogg ikkummenta li t-Tories kienu fil-periklu li jitilfu aktar voti lill-partit tar-Riforma.

Il-partiti tal-Oppożizzjoni malajr staqsew jekk il-fatt li jġib lura eks Prim Ministru li ħalla l-kariga seba’ snin ilu hux verament il-bidu ġdid li Sunak qed jgħid li se joffri. Il-Membru Parlamentari Anzjan Laburista Pat McFadden qal li l-ħatra ta’ Lord Cameron hija daħqa fil-wiċċ mill-Prim Ministru li qed jgħid li joffri bidla minn 13-il sena ta’ falliment mill-partit konservattiv.

Mal-ħatra Ministerjali tiegħu, David Cameron ingħata wkoll l-istatus ta’ Lord. Huwa qal li huwa rriżenja mid-diversi rwoli li kellu fin-negozju u tal-karità – inkluż il-presidenza tas-Soċjetà ta’ Alzheimer – li kien okkupa minn meta ħalla l-kariga ta’ Prim Ministru.

Lord Cameron mhuwiex l-uniku wiċċ familjari li qed jirritorna mal-gvern wara r-reshuffle tat-Tnejn. L-eks Segretarju tan-Negozju Andrea Leadsom ingħatat rwol fid-Dipartiment tas-Saħħa u l-Kura Soċjali, filwaqt li Damian Hinds sar ministru fid-Dipartiment għall-Edukazzjoni, li kien imexxi hu.

Ekonomija

Sport