Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn ir-Raffa?
Missieri kien segretarju tal-klabb tal-boċċi ta’ Ħaż-Żabbar u lili sikwit kien jeħodni miegħu meta jkollhom il-logħob.
Meta kelli 14-il sena jiena ġietni l-ħajra li nibda nipprattika dan l-isport.
Ta 15-il sena il-klabb ta’ Ħaż-Żabbar daħħluni għall-ewwel kompetizzjoni uffiċjali li kienet torganizza l-Federazzjoni Klabbs tal-Boċċi. Din kienet il-kompetizzjoni ta’ tnejn kontra tnejn ta’ taħt is-16-il sena.
Jiena mill-ewwel urejt li kelli potenzjal għal dan l-isport għaliex spiċċajt irbaħt din il- kompetizzjoni u ġejna dikjarati champions ta’ Malta ta’ taħt is-16-il sena.
Wara dan is-suċċess jien kont ġejt avviċinat mill-president tal-Federazzjoni Klabbs tal-Boċċi ta’ dak iż-żmien, Colin Cauchi, biex jiena nibda nipprattika wkoll il-logħba tal-boċċi internazzjonali jiġifieri Raffa.
Minn hemmhekk jiena ħadta b’serjetá kbira u wara biss tmien xhur nitħarreġ f’din id- dixxiplina ġejt magħżul mat-tim nazzjonali Malti għall-Kampjonati tal-Ewropa li kienu ġew organizzati f’Varsavja l-Polonja fejn hemmhekk jien kont l-iżgħar plejer tal- kampjonat fejn kien għad kelli biss 16-il sena.
Minn dak iż-żmien jiena ħadt deċiżjoni li nibqa’ nikkonċentra biss fuq il-loghba internazzjonali u ma nibqax niprattika l-logħba tal-boċċi tradizzjonali Maltija. Ir-raġuni hija għax tip ta’ boċċi dawk tradizzjonali u dawk internazzjonali huma totalment differenti u ma tagħmilx sens li togħqod taqleb idejk.
X’suċċessi maġġuri ksibt fil-karriera tiegħek sa issa f’dan l-isport li tant tħobb?
Bħala suċċessi maġġuri fil-logħba internazzjonali kelli bosta fejn nista’ nsemmi rebħ ta’ midalji tal-fidda u bronż fil-Logħob tal-Mediterran, rebħ ta’ midalji fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa, rebħ ta’ midalji fil-Kampjonati tal-Ewropa u bosta unuri oħra f’kompetizzjonijiet internazzjonali. Fil-preżent jiena qiegħed ikklassifikat fit-tielet post fl-Ewropa u fil-ħames post fid-dinja.
Fil-jiem li għaddew ħadtu sehem b’suċċess f’kompetizzjoni importanti fil-Kanada. Agħtina iktar dettalji.
Iva, fil-fatt, riċentement, jiena u plejer ieħor, Nazzareno Farrugia, tlajna Toronto l-Kanada fejn ikkompetejna f’tournament internazzjonali f’kompetizzjoni individwali fejn kellna prestazzjoni tajba ħafna, li jiena irnexxieli nispiċċa mal-ewwel tmien plejers.
Kif tqis il-livell tar-Raffa f’pajjiżna fil-preżent? U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?
Bħala livell ta’ din id-dixxiplina f’pajjiżna ma tantx jista’ jikber. Il-problema ewlenija hija li f’pajjiżna għad m’għandniex post indoor kif suppost għal dan l-isport li jkun wiċċ sintetiku.
Għalhekk ma tistax tħajjar plejers ġodda biex jibdew jipprattikaw din id-dixxiplina għax kulma għandna fejn nitrrenjaw huwa ‘lane’ wieħed biss li jinsab il-Marsa Sports Complex li huwa miftuħ bla saqaf u għalhekk ma tistax tittrenja s-sena kollha minħabba l-elementi tat-temp.
Biex aħna nżommu l-livell tagħna għoli ta’ sikwit ikollna mmorru barra min Malta sabiex nieħdu sehem f’kompetizzjonijiet sabiex b’hekk inżommu l-forma tajba tagħna.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fir-Raffa?
Bħala futur personali fir-Raffa jiena qed nistinka u nħares ‘il quddiem sabiex għall- Kampjonat tal-Ewropa li jmiss f’Settembru li ġej ġewwa Chiasso l-Iżvizzera jiena nipprova nitla’ skala ‘l fuq għaliex fl-aħħar żewġ edizzjonijiet tal-Kampjonati tal-Ewropa, jiena dejjem spiċċajt fit-tielet post u għalhekk qed nammira li din id-darba nilgħab fil-finali.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fir-Raffa.
Fl-aħħar nett nixtieq inwassal il-messaġġ tiegħi lil dawk kollha li jixtiequ jiġu jippruvaw u jipprattikaw din id-dixxiplina u anke forsi lil dawk li ma jippratikaw l-ebda sport sabiex jitħajru u jiġu jipruvaw. Din id-dixxiplna sportiva hija logħba avventuruża kkombinata bil-preċiżjoni, fiżika u anke ħsieb tal-moħħ ukoll.