David Gilbert daħal fil-European Masters ta’ din il-ġimgħa fuq sensiela ta’ riżultati negattivi, iżda biddel il-fortuni tiegħu f’Milton Keynes u rebħa ta’ 5-3 fuq Pang Junxu ratu jgħaddi għall-kwarti-finali.
Gilbert tilef il-partiti riċenti tiegħu ta’ kwalifikazzjoni tal-Welsh Open u tat-Turkish Masters u ħareġ ukoll fl-ewwel round tal-Players Championship. Iżda l-miżerji tiegħu ta’ Frar ġew xolti b’mixja tajba din il-ġimgħa u bil-player minn Tamworth jibqa’ b’ċans li jikkwalifika għat-Tour Championship tax-xahar id-dieħel. Kif inhu, Gilbert jinsab fit-tmien post fil-lista tar-rankings ta’ sena.
Breaks ta’ 82 u 87 poġġewh 2-0 minn fuq qabel ma ċ-Ċiniż, Pang, irkupra għal 2-2. Gilbert reġa’ ħa l-vantaġġ ta’ żewġ frames, u għalkemm Pang ħa s-seba’ frame għal 4-3, Gilbert għamel 69 f’dak li kien imiss biex issiġilla r-riżultat.
Tom Ford kiseb laqgħa ma’ Ronnie O’Sullivan grazzi għar-rebħa 5-3 fuq Fraser Patrick, li fiha għamel breaks ta’ 65, 99 u 77.
Anthony McGill għadda għall-kwarti-finali ta’ tournament ranking għat-tielet darba dan l-istaġun meta rebaħ lil Kurt Maflin 5-3. F’logħba ta’ skors għoljin, Maflin ikkompona tliet century breaks ta’ 105, 103 u 111 filwaqt li l-Iskoċċiż minn Glasgow, McGill, għamel 70, 72, 85 u 91.
L-avversarju ta’ McGill fil-kwarti-finali l-bieraħ fil-għaxija kien iċ-Ċiniż l-ieħor, Liang Wenbo, li wara d-dehra tiegħu fis-semi-finali tax-Shoot Out li saret riċentiment kompla b’mixja oħra profonda. Liang għeleb lill-kompatrijott, Yuan Sijun, 5-2, bi breaks ta’ 60, 70, 61, 76, 124 u 86.
Ronnie O’Sullivan elimina lil Ashley Hugill 5-2 fejn beda bi break ta’ 141 li huwa l-ikbar wieħed s’issa u wara għamel ukoll 96, 62, u 52 u 58 fl-aħħar frame waqt li Hugill għamel 77 u 73.
Il-mixja ta’ Jordan Brown ġiet imwaqqfa minn Graeme Dott li għelbu 5-2 waqt li Ryan Day għeleb lil Sunny Akani bl-istess skor fejn kull player għamel break rebbieħ fil-frames li rebaħ, 52, 73, 86, 54 u 50 minn Day u 96 u 80 minn Akani.
Żewġ rebħiet 5-3 ġew miksuba minn Fan Zhengyi u Tom Ford fuq Yan Bingtao u Fraser Patrick rispettivament. Fan kien involut f’logħba straordinarja li fiha Yan beda 3-0 minn fuq bi breaks ta’ 62, 111 u 65 iżda mbagħad Fan mar aħjar minnu meta rebaħ il-ħames frames ta’ wara bi breaks ta’ 55, 53, 55, 74 u 60.