Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn it-Triathlon?
Kien fi żmien il-pandemija tal-Covid-19 li bdejt proprju t-triathlon. Minn ftit għawm, għal ftit rota, spiċċajt insegwi programm ta’ taħriġ taħt it-tmexxija ta’ Kevin Zammit u minn hemm bdejna nikkompetu fit-tlielaq u nżidu d-distanzi.
Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. Agħtina d-dettalji kollha rigward it-triathlon event li se tkun qed torganizza fl-14 ta’ Novembru b’risq Inspire Malta.
L-event b’risq Inspire Malta ħa tibda b’dawra bir-rota madwar Malta ta’ 130 kilometru. Wara ngħum għal Ghawdex u ndur fit-trail ta’ Għawdex bil-ġiri. Għawma lura għal Malta u nerġa’ ndur bir-rota madwar Malta. Minn hemm ngħum sa u madwar Kemmuna u niġri madwar Kemmuna. Ovvjament ngħum lura għal Malta.
Waqt din l-event kollha ħa nkun akkumpanjat minn ħbieb differenti, għawwiema, ċiklisti u atleti, li bla dubju ħa jkunu ta’ sostenn kbir f’din l-event. Matt Azzopardi li ħa ħsieb il-loġistka tal-event, kellu l-għajnuna minn diversi voluntiera, fosthom Keith Camilleri fin-nutrizzjoni, Stephen Aqulina inkarigat mir-rota, Emma Tanti fl-għawm u Marco Bezzina fil-ġiri. Diversi sponsors ukoll għenuna biex stajna għaqqadna din l-attivitá.
X’suċċessi maġġuri ksibt fil-karriera tiegħek sa issa f’dan l-isport li tant tħobb?
Kull tellieqa jew event tirrikjedi ħafna sagrifiċċji u ħin. Għalija, kull meta nispiċċa sfida hi suċċess u napprezzahom kollha. L-ironman, id-double ironman u l-Marathon des Sables jibqgħu l-aktar għal qalbi. L-għawma ta’ 25 kilometru fl-Oceanman u l-Granfondo ta’ Stelvio bir-rota wkoll jibqgħu esperjenzi sbieħ.
Kif tqis il-livell tat-triathlon f’pajjiżna fil-preżent?
Żgħażagħ bħal Kai Azzpoardi u Ryan Muscat qed jagħtu prestazzjonijiet mill-aqwa barra minn xtutna. Fid-distanzi ultra, il-parteċipazzjoni qiegħda dejjem tiżdied. Fl-imgħoddi Nicky Farrugia kien wieħed mill-ftit atleti ultra, u bħalissa Fabio Spiteri tista’ tgħid qabeż kull distanza ultra. Illum in-numru qiegħed dejjem jiżdied u nikkompetu tajjeb ħafna ma’ pajjiżi oħra.
U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?
Jien membru mal-klabb ta’ Sirens Runners. Bħala klabb jagħmlu ħilithom biex jissapportjawna u nħossuna apprezzati. Bħala ġiri, għandna wieħed mil-isbah trails, għawm, bla dubju, baħar mill-isbaħ u pixxini ta’ livell tajjeb. Rota, sfortunatament, huwa imposssibli li tittrenja fit-toroq … wisq traffiku u perikoluż ħafna. Nittrenjaw indoor u Sqallija.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fit-Triathlon?
Wara din l-event, ħa nibda l-preparamenti għall-akbar sfida tiegħi sa issa – Arch to Arc. Din hi tellieqa individwali li tibda b’ġirja ta’ 130km minn Marble Arch f’Londra sa Dover, għawma ta’ ‘l fuq minn 37km fl-English Channel u rota minn Calais sa Arc de Triomphe f’Pariġi. Il-pjan ħa jkun immexxi minn Kevin Zammit rota u ġiri, Emma Tanti teknika u speed fil-għawm tal-pixxina u Matt Azzopardi għawm fil-baħar. Huma biss 66 atleta fid-dinja li rnexxielhom ilestu din it-tellieqa.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jipprattika t-Triathlon.
Il-messaġġ tiegħi huwa wieħed semplici: meta jkollok gwida minn persuni għaqlin, kull sfida hija probabbli aktar diffiċli fuq il-karta milli fir-realtá. Huma l-persuni li ħa jmexxuk li trid tagħżel sewwa, mhux id-diffikultá tat-tellieqa!

