Il-plejer veteran tat-table tennis David Pace kien involut fil-Coppa Italia tal-Veterani li saret f’Calascibetta fi Sqallija. Hu kien qed jirrappreżenta lil ASD Virtus Enna fejn ħa sehem fil-kompetizzjoni individwali u anke tad-doubles mal-kollega tiegħu Giuseppe Tiritto.
Pace kellu ġurnata bl-aqwa mod meta rebaħ tlieta mill-erba’ konfronti li lagħab. Fil-fatt fil-logħba inawgurali kontra SPD Pietrapersia 88, David Pace rebaħ kontra Di Calogero 3-0 filwaqt li fid-doubles flimkien ma’ Tiritto rebħu lid-duo Tomaselli/Marzella bl-istess skor.
Fit-tieni logħba kontra ASD Mediterraneo, Pace għeleb lil Bassaro 3-1 filwaqt li fid-doubles rebaħ b’riżultat simili kontra Poma/Rossi.
Kien fit-tielet logħba li Pace u t-tim tiegħu sofra l-ewwel telfa, dik ta’ 3-1 kontra ASD Rosselli. Huma għalqu bl-aqwa mod possibbli meta rebħu 3-0 kontra t-tim ospitu ta’ ASD Calascibetta.
David Pace jilgħab ma’ ASD Virtus Enna li flimkien ma’ timijiet oħra bħal ASD TT Mediterraneo, ASD TT Calascibetta A, ASD Tennis Tavolo Caltanisetta, ASD TT Mediterraneo Rosa, ASD TT Ribera u SPD Pietraperzia 88 ħadu sehem f’dan it-turnew li issa se jkompli fil-bidu ta’ Marzu fi Trapani.