Il-Kap Eżekuttiv ta’ Sassuolo, Giovanni Carnevali, ipprovda aġġornament dwar il-futur ta’ Davide Frattesi, fejn enfasizza li l-player ta’ 23 sena se jibqa’ mal-club jekk ma jaslux offerti adegwati.
Frattesi sar wieħed mill-aktar players segwiti fis-suq tat-trasferimenti minn numru ta’ clubs fosthom Inter, Milan, Juventus u Roma.
Inter huma l-favoriti li jiksbu l-firma tiegħu hekk kif Marcelo Brozovic se jitlaq lill-club.
Carnevali qal li se jiltaqgħu mal-clubs interessati minkejja li għandu ħjiel li l-ebda wieħed minnhom m’hu se jasal għat-talba tagħhom.
Huwa sostna li dan huwa ċ-ċans li min irid lil Frattesi … iħallas it-talba tal-club. Sassuolo mhumiex mgħaġġlin biex ineħħu lill-player u għaldaqstant jista’ jibqa’.
“Bħalissa diversi klabbs għandhom ċans jiffirmawh, mhux biss lil Inter u Roma, imma li nista’ ngħid hu li m’aħna sodisfatti bl-ebda offerti li waslu s’issa, nemmnu li l-valur ta’ Frattesi huwa ogħla.”
Fl-aħħarnett, Carnevali enfasizza kif Sassuolo jkunu kuntenti li jżommu lil Frattesi jekk ftehim jonqos milli jimmaterjalizza.
“Aħna qegħdin f’kundizzjoni favorevoli bħala klabb, wara li għamilna bejgħ importanti s-sena l-oħra. Jekk ikun hemm opportunitajiet tajbin, jekk le nibqgħu ma’ Frattesi l-istaġun li ġej.”
Dan l-istaġun, Frattesi skorja seba’ gowls f’36 dehra tas-Serie A għal Sassuolo.