Friday, November 15, 2024

Dawk li jaħdmu fid-djar tal-anzjani governattivi huma obbligati jieħdu kors tal-Malti

Il-“problema” ta’ infermieri u carers li ma jafux il-Malti…

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Mhux l-ewwel darba li jkun hemm ilmenti li l-barranin li jaħdmu f’Malta kemm jekk f’xi ħanut, kemm jekk fl-industrija tal-kostruzzjoni, kif ukoll fis-servizzi tas-saħħa, ma jitkellmux bil-Malti. Il-lingwa tal-pajjiż hija ta’ importanza fl-identità tagħna bħala poplu imma hija ta’ importanza vitali li l-persuna barranija tkun tista’ tikkomunika b’mod effettiv u ċar meta xogħlha jkun fil-kura ta’ saħħet persuni li ma jafux lingwi oħra għajr il-Malti.

Qegħdin nitkellmu dwar persuni u anzjani Maltin li qegħdin isibu diffikultajiet ta’ komunikazzjoni waqt viżti fl-Isptar jew f’residenzi tal-anzjani minħabba li ma jifhmux tobba, infermiera u carers barranin li jaħdmu f’istituzzjonijiet tas-saħħa, inkluż każijiet minnhom li seħħu direttament f’Mater Dei.

Pazjenta partikolari qalet lil talk.mt li f’appuntament li kellha riċentement fl-Isptar, ma setgħetx tifhem lit-tabib li kien qiegħed jinvistaha tant li kellu jġib persuna oħra biex tkellimha u tfiehma bil-Malti. Hija qalet li hija u tistenna kien hemm pazjenti oħra, din id-darba anzjani, li wkoll esprimew tħassib minħabba diffikultajiet tal-lingwa inkluż meta kienu jagħtuhom il-pilloli. “L-anzjani bejniethom bdew igorru li ħadd m’hemm li jitkellem bil-Malti u dan huwa veru,” sostniet din il-mara.

Fir-rigward saret mistoqsija parlamentari mid-Deputata Nazzjonalista Paula Mifsud Bonnici fejn riedet tkun taf x’qiegħed isir biex “il-problema” ta’ infermieri u carers li ma jitkellmux u ma jifhmux il-Malti. Fir-rigward hija staqsiet lill-Ministru għall-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela x’korsijiet qegħdin jingħataw bħalissa biex dawn jitgħallmu l-Malti u talbet dettalji dwar it-tul tal-imsemmija korsijiet.

Obbligu li jpoġġu għall-kors…

Min-naħa tiegħu l-Ministru Abela informa li qegħdin jiġu offruti korsijiet tal-lingwa Maltija lill-infermiera u carers li ma jitkellmux u ma jifhmux il-Malti. Spjega li, “huwa obbligu li l-infermiera li jaħdmu mal-anzjani fid-djar governattivi jpoġġu għall-kors fil-Basic Medical Maltese for Health Professions li jikkonsisti f’50 siegħa ta’ tagħlim”.

Mill-informazzjoni li ta, dan il-kors huwa pprovdut mill-Università ta’ Malta u li l-carers barranin ukoll huma obbligati li jpoġġu għall-kors fil-‘Maltese Proficiency Test’ li huwa kors ipprovdut minn entitajiet diversi u t-tul tal-ħin ivarja. Il-medja ta’ dan il-kors huwa ta’ 28 siegħa fuq medda ta’ seba’ ġimgħat.

Ekonomija

Sport