Wednesday, December 25, 2024

“Dawk li jbattlu l-ixkafef biex jaħżnu jistgħu jwasslu għal żieda fil-prezzijiet”

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Importatur jiggarantixxi li l-provvista tal-ikel f’pajjiżna hija tajba ħafna

Hekk kif għadd ta’ importaturi qegħdin ikomplu jirċievu aħbarijiet li fil-ġimgħat li ġejjin mistenni tkompli l-mewġa ta’ żieda fil-prezzijiet ta’ prodotti tal-ikel, f’għadd ta’ pajjiżi Ewropej għadd ta’ negozji ħadu passi biex jilqgħu għal dan. Fil-fatt fil-Ġermanja sar magħruf li l-prezzijiet ta’ għadd kbir ta’ prodotti se jogħlew bejn 20% u 50%.

Din id-deċiżjoni qed tħasseb għadd ta’ importaturi lokali, li qed jorbtu dan mal-fatt li dak li qed isir f’pajjiżi Ewropew se jkunu qed jaffettwa lil pajjiżna fil-ġimgħat li ġejjin. 

Importatur li tkellem ma’ Talk.mt qalilna li “l-prezzijiet qegħdin jogħlew. L-inflazzjoni tinħass. L-aħbarijiet li qed nirċievu minn barra mhumiex pożittivi u kollox jindika li minħabba l-kunflitt fl-Ukrajna il-prezzijiet se jkomplu jogħlew. Anki prodotti agrikoli jidher li se jkunu qed jogħlew u dan għax anke l-prezzijiet tan-nitrati qed jiżdiedu minħabba li r-Russja hi wieħed mill-pajjiżi li jipproduċi ħafna nitrati biex jintużaw fl-agrikoltura”.

L-istess importatur qalulna li “qed isegwu ġurnata b’ġurnata. Pajjiż wara ieħor fl-Ewropa u anke l-barra minnha qed jirrapputaw kif l-inflazzjoni qed tiżdied. Fil-Ġermanja, l-għoli tal-prezzijiet tela’ b’7.6% u dan ma kienx mistenni. F’dan il-pajjiż, qegħdin jinfurmaw li fil-jiem u l-ġimgħat li ġejjin il-prezzijiet mistenni jkomplu jogħlew u qed jissemmew li għadd ta’ supermarkets u negozji kbar oħra se jgħollu l-prezzijiet bejn 20 u 50%”. 

L-istess impotatur qalilna li “wieħed m’għandux jitqarraq u jaħseb li dawn iż-żidiet ġejjin biss minħabba l-kunflitt. Iċ-ċaqliq fil-prezzijiet ilu għal dawn l-aħħar xhur għaddej. Qabel il-kunflitt fl-Ukrajna il-prezzijeit kienu qed jogħlew anki fl-Ewropa minħabba żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija. Il-gwerra li għamlet kien li kompliet iżżid il-pressjoni.”

“nista’ nassigura lill-poplu Malti li l-provvisti ta’ ikel f’Malta huma tajbin ħafna”

Importatur

Mistoqsi dwar il-provvisti ta’ ikel, l-istess importatur jgħidilna li “nista’ nassigura lill-poplu Malti li l-provvisti ta’ ikel f’Malta huma tajbin ħafna. Anki fl-Ewropa mhux qed jingħad li se jkun hemm xi tnaqqis. Il-provvisti ta’ ikel fl-Ewropa huma ukoll tajbin ħafna. Il-fattur inkwetanti hu dak li għandek prodotti li jintużaw għat-tkabbbir ta’ prodotti agrikoli li qed jiskarsaw u jogħlew bħan-nitrati. Dan se jwassal biex se jnaqqas il-produzzjoni jekk jintużaw inqas nitrati u għalhekk jogħlew il-prezzijiet jew inkella minħabba żieda fl-ispiża tal-produzzjoni, se jispiċċaw jogħlew il-prodotti. Qegħdin f’sitwazzjoni fejn b’ċertezza wieħed jista’ jgħid li l-prodotti agrikoli anke minn barra se jkomplu jogħew. Ma’ dawn imbagħad għandek il-prodotti tal-ikel manifatturati li l-prezz tagħhom qed jogħla. Prodotti ta’ żjut, qmugħ u oħrajn qed jiżdiedu sew fil-prezz”. 

Mistoqsi dwar il-fatt li hemm supermarkets barranin li qed jillimitaw kemm il-konsumaturi jixtru ċertu prodotti u jekk dan hu sinjal li hemm nuqqas ta’ dawn il-prodotti fosthom żjut u prodotti tal-qamħ, l-istess importatur qalilna li “ngħid b’ċertezza li m’hemmx nuqqas ta’ prodotti. Ċertu supermarkets ħadu dak il-pass, biex ma tinħoloqx domanda artifiċjali, b’ħafna xiri biex jinħażnu l-prodotti. Għax x’kien se jiġri? Kien se jkollok konsumaturi li jmorru jixtru biex jaħżnu u jitbattlu l-ixkafef. Nies oħra jmorru u jaraw l-ixkafef vojta u mbagħad tibda ġirja biex kulħadd jixtri. Din toħloq pressjoni ġdida. Toħloq skarsezzi u żżid aktar il-prezzijiet. Anki f’Malta kellna min għamilha u hi tajba għax iżżomm stabbilità. Kellna min f’Malta tgħidx kemm ħażen għaġin u prodotti oħra. Naħseb li dawn in-nies se jindunaw ftit ġimgħat jew xhur oħra li għalxejn għamlu dan, għax l-ixkafef se jibqgħu isibuhom bil-prodotti tal-ikel”, qalilna l-importatur.

Ekonomija

Sport