Saturday, December 21, 2024

Dawk li ma jsegwux direttivi

Aqra wkoll

Suppost li sal-lum, il-gravità tal-imxija tal-corona virus li xterdet mad-dinja, tant hi magħrufa li kulħadd – anke l-akbar bodbod – jagħraf kemm hi qerrieda. Intqal li x-xjuħ biss imutu biha, li mhux veru. Huma l-aktar li qed imutu, veru. Imma l-istejjer li nisimgħu dwar irġiel u nisa fl-aqwa ta’ ħajjithom li nqerdu jheżżuk.

F’ċirkosanzi hekk, ma baqa’ l-ebda skuża għal dawk li ma jsegwux id-direttivi maħruġa mill-awtoritajiet sanitarji biex in-nies tieħu l-prekawzjonijiet kollha li jixxandru.

Wieħed jifhem forsi l-aġir ta’ min magħluq f’daru għal jiem twal, joħroġ ftit għal mixja…

Imma li jsiru laqgħat organizzati ta’ familji u gruppi oħra sħaħ fi pjazez, fil-kampanja jew mal-baħar, bħala pikniks jew f’xi attività oħra… dik ħaġa li ma tiftiehemx.

Il-perikli ta’ infezzjoni jħufu ma’ kullimkien. Li taġixxi b’mod li jżidhom, hu aġir agħar minn irresponsabbli.

***

Aktar tfal

Xi ħadd qalli: Il-corona virus għandha mnejn jirnexxielha tbiddel il-profil tal-popolazzjoni Ewropea, li hu mgħobbi b’ħafna anzjani. Hemm ċans li l-bilanċ jinbidel… u jkollna mewġa ġdida u kbira ta’ żgħar fostna.

Allura din ħaġa tajba? weġibt. Li Ċensa l-Mewt, qabel jasal żmienha, jkollha ċ-ċans teqred daqstant anzjani… kif qed jiġri fl-Italja u Spanja?

Ma fhimtniex ta’, kienet it-tweġiba. Ma kontx qed naħseb fl-imwiet tax-xjuħ. Veru xokkanti dak li ġara u għadu qed jiġri. Imma kont qed naħseb f’li jiġri meta n-nies tibqa’ magħluqa għal żmien twil fl-istess post. Bla ma tista’ toħroġ… u trid tara kif se tmewwet il-monotonija ta’ li jkun għaddej. X’jiġri?

Hawn ftakart f’kif fi New York kienu jgħidu li meta għal raġuni jew oħra, jinqata’ d-dawl għal ġurnata sħiħa, jew aktar, disa’ xhur wara, isseħħ żieda sostanzjali fit-trabi li jitwieldu.

Fhimt il-punt.

***

Ministru Franċiża

Isimha kont insejtu. Roselyne Bachelot. Kienet ministru tas-saħħa fi żmien il-presidenza ta’ Sarkozy fi Franza.

Għas-sena 2009, kienet qamet l-epidemija tal-H1N1, mhux wisq differenti mill-influwenza tal-corona virus. Għal żmien ħolqot biża’ enormi. Bachelot kienet minnufih ordnat provisti enormi ta’ maskri u ta’ vaċċin biex tilqa’ bil-lest għall-marda. B’xorti tajba, il-H1N1 battiet ħin bla waqt. Imma Bachelot qalgħetha minn kulħadd, mhux l-anqas l-għaqdiet tat-tobba u sħabha l-politikanti, talli kienet berbqet daqstant flus “fil-vojt”. Ftit tax-xhur wara tneħħiet minn ministru.

Illum qed tingħata ġieħ. Kieku dawk li jinsabu f’postha llum ħadu l-istess prekawzjonijiet li kienet ħadet hi, kieku Franza kienet toħroġ ħafna aħjar milli qed tagħmel mill-għafsa tal-corona virus.Laqtitni ħafna din l-istorja.

Ekonomija

Sport