Binja li kienet maħsuba li hi dar normali rriżulta fil-fatt li din iddawret f’fortizza biex l-aċċess ma jkunx faċli għal ġewwa d-dar. Dan b’rabta ma’ traffikar ta’ drogi fejn illum tressqu l-Qorti tliet persuni akkużati b’dawn ir-reati.
Dan ħareġ mix-xhieda tal-Ispettur Kevin Pulis li ta dettalji dwar il-ħidma tal-pulizija biex setgħet tkisser dan iċ-ċirku ta’ traffikar ta’ droga. F’din il-ħidma kienu involuti wkoll il-Pulizija tal-Ispecial Intervention Unit fejn kellhom jużaw tagħmir li jqatta’ l-ħadid biex setgħu jidħlu fil-binja.
It-tliet persuni li tressqu quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech kienu fost 10 li ġew arrestati matul il-jum tat-Tlieta f’operazzjoni mmexxija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga fi ħdan id-Dipartiment tar-Reati Maġġuri b’rabta ma’ traffikar ta’ droga fil-Belt Valletta u l-Marsa.
L-Ispettur Pulis spjega li fl-aħħar xhur il-Pulizija tal-Għassa tal-Belt flimkien ma’ uffiċjali tal-Pulizija tal-Komunità fl-istess lokalità u dawk mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga rċevew informazzjoni li f’residenza partikolari fi Triq l-Isptar il-Qadim seta’ kien qed isir xi traffikar ta’ droga.
“Bdejna naraw li seta’ kien hemm xi minuri involuti f’dan it-traffikar”, spjega l-Ispettur Pulis. “F’dawn l-aħħar jiem, il-Pulizija ħadet deċiżjoni li jsiru rejds fi tliet residenzi.”
Huwa spjega li waqt ir-rejd tat-Tlieta ġew arrestati wkoll ħames persuni li kienu fuq il-post u li kienu għadhom kif ħarġu minn waħda mir-residenzi. Qal ukoll li fir-residenzi nstabu 20 qratas tal-kokaina lesti biex jiġu traffikati filwaqt li nstabet ammont ta’ eroina, kannabis u droga sintetika.
Barra minn hekk, il-Pulizija sabet eluf ta’ ewro fi flus kontanti, ammont konsiderevoli ta’ deheb u anke flokkijiet tad-ditta.
Judith Bakoush ta’ 31 sena u Morat Abdikadir Mohammed Naswan ta’ 31 sena kienu l-ewwel li tressqu quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech mixlija bi traffikar u pussess tal-kokaina, eroina u kannabis u li wettqu atti ta’ ħasil ta’ flus.
Huma kienu mixlija wkoll li kellhom fil-pussess tagħhom id-droga sintetika li nstabet f’ċirkostanzi li juru li ma kinitx għall-użu esklussiv tagħhom, li naqsu milli jħarsu l-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest u li saru riċedivi.
Hekk kif bdiet is-seduta, Bakoush bdiet tibki u tolfoq fl-awla u qalet li bħalissa għaddejja minn trawma. “Jiena mhux għax sejra l-ħabs imma minħabba t-tifel,” instemgħet tgħid l-imputata.
L-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri, li dehru għaż-żewġ imputati, f’dan l-istadju ma talbux għall-ħelsien mill-arrest u għaldaqstant inżammu arrestati. Il-Qorti ordnat ukoll li jiġu ffriżati l-assi tal-imputati.
Wara tressaq Joseph Borg ta’ 50 sena residenti Marsaskala, li kien arrestat waqt tfittxija li l-Pulizija wettqet f’remissa fi Triq it-Tiġrija, il-Marsa, fejn instabet ammont ta’ droga.
Borg kien mixli bi traffikar u pussess tal-kokaina, eroina u l-kannabis. Huwa nstab ukoll fil-pussess tad-droga sintetika, li naqas milli jħares il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.
Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu u nżamm arrestat wara li ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Kevin Pulis, Mark Anthony Mercieca u Mark Cremona.