Monday, May 13, 2024

Dax-xahar titnieda konsultazzjoni pubblika dwar l-istrateġija ġdida tal-edukazzjoni

L-istudent fiċ-ċentru ta’ din l-istrateġija… il-Ministru Grima jenfasizza fuq l-importanza li jkun hemm viżibilità fl-opportunitajiet

Aqra wkoll

L-istrateġija l-ġdida tal-edukazzjoni għas-sitt snin li ġejjin, li se tittrasforma s-settur billi fiċ-ċentru tagħha tpoġġi lill-istudent, mistennija titnieda uffiċjalment għall-konsultazzjoni pubblika f’Ottubru li ġej.

Dan ħabbru l-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, f’intervista li kellu ma’ dan is-sit fejn tkellimna dwar is-settur edukattiv anke fid-dawl li din il-ġimgħa ngħata bidu għal sena skolastika ġdida. 

B’rabta ma’ din l-istrateġija, il-Ministru Grima qal li l-istrateġija nbniet mill-qiegħ u diġà saru konsultazzjonijiet mal-edukaturi, mal-imsieħba soċjali, mal-unions u ma’ dawk kollha involuti fis-settur, qabel ma jkun ippubblikat id-dokument finali għall-konsultazzjoni pubblika.

Stqarr li b’differenza minn kif kien isir is-soltu, fejn il-Ministeru kien ifassal dan id-dokument u wara jqiegħdu għad-diskussjoni, din id-darba sar outreach b’mod ġenerali mal-pubbliku u mal-edukaturi li taw il-kontribut tagħhom biex jitfassal dan id-dokument.

“Dan sabiex ikollna dokument li jilħaq b’mod tanġibbli l-aspirazzjonijiet kollha: il-viżjoni tal-edukaturi, li huma n-nies li jkunu fil-klassijiet tagħna, il-ġenituri (li kull min ried ta l-kontribut tiegħu f’din l-istrateġija), kif ukoll kellna żgħażagħ li resqu ‘l quddiem u għadhom fis-sistema edukattiva tagħna.” 

“Ġaladarba dan id-dokument jiġi ppubblikat għall-konsultazzjoni pubblika b’mod uffiċjali, allura jkollna l-aktar koalizzjoni wiesgħa li  jista’ jkollna sabiex flimkien naraw xi rridu mill-edukazzjoni tagħna,” tenna l-Ministru Grima. 

“Xi rridu nagħtu lit-tfal tagħna? Hi kwistjoni ta’ edukazzjoni formali, mhux formali, jew inkella nagħmlu distinzjoni biss bejn dik li hija edukazzjoni sħiħa, u allura hi tajba, jew dik li mhijiex edukazzjoni tajba u allura għandha nuqqasijiet tagħha? Jien immur għal edukazzjoni sħiħa li tara li kull tifel u tifla għandhom potenzjal differenti u rridu ngħinuhom sabiex jilħqu dak il-potenzjal”.

Il-Ministru Grima saħaq fuq l-importanza li jkun hemm viżibilità ta’ dawk li huma opportunitajiet, u fl-istess waqt is-sistema edukattiva trid tipproduċi individwi li jkollhom il-ħiliet neċessarji sabiex isibu posthom fid-dinja tax-xogħol. 

“Irridu nibqgħu naħdmu biex jonqsu dawk li jitilqu kmieni mill-iskola”

Mistoqsi dwar il-problema tal-early school leavers u x’miżuri qed jittieħdu biex ikun minimizzat dan il-fenomenu, il-Ministru Grima qalilna li diġà ttieħdu numru ta’ miżuri fejn ir-rata ta’ dawk li jitilqu kmieni mill-iskola f’pajjiżna mill-2012 ‘il quddiem prattikament naqset bin-nofs. Minn aktar minn 21%, ir-rata niżlet għal ftit aktar minn 10%, li hi viċin tal-medja Ewropea.

“Tistaqsini jekk iniex sodisfatt: le, m’iniex. Irridu nibqgħu naħdmu. Wieħed mill-punti ewlenin tal-istrateġija dwar it-tluq bikri mill-edukazzjoni u t-taħriġ (ELET) li ħabbarna ftit tal-ġimgħat ilu huwa proprju li aktar milli interventi li jsewwu, ikun hemm aspetti ta’ prevenzjoni fuq diversi aspetti,” kompla jgħid il-Ministru Grima. 

Huwa tenna li meta nitkellmu dwar is-sistema edukattiva tagħna bil-persuni fiċ-ċentru tagħha jfisser li jsiru interventi sabiex jipprevjenu problemi li jistgħu jinqalgħu aktar ‘il quddiem. Kien hawn fejn tkellem dwar l-importanza tal-qari.

“Minn età bikrija jkun hemm studenti li għal raġunijiet varji ma jkollhomx il-kmand tal-qari. Dan allura jwassal sabiex iħossuhom estranji fil-klassi. Aħna rridu li fis-snin bikrin, fil-primarja, nagħmlu l-interventi, immorru għal programmi li jħarsu lejn din it-tip ta’ prevenzjoni u allura jieħdu gost l-iskola waqt il-perkors akkademiku,” kompla jgħid il-Ministru għall-Edukazzjoni. 

“Irridu naraw li l-iskejjel tagħna jkunu attrezzati b’mod li jirriflettu n-neċessitajiet li għandhom l-istudenti” 

Sadanittant, matul dan is-sajf saru diversi proġetti, fosthom it-tisbiħ u l-manutenzjoni tal-faċilitajiet. Però, xorta waħda għad fadal skejjel li jeħtieġ li jsirulhom xi manutenzjonijiet. Mistoqsi dwar dan, il-Ministru Grima qal li l-ħidma tikkonsisti fuq diversi livelli.

“Għandek l-iskejjel ġodda, jew li għandhom faċilitajiet ġodda. F’Santa Luċija se jkollok kumpless sportiv li se ninawgurawh fil-ġranet li ġejjin; din il-ġimgħa jibda jitgawda mill-edukaturi u l-istudenti. F’Ħal Għaxaq hemm skola ġdida u daħlu l-istudenti fiha; fir-Rabat Malta l-istess. In-Nadur, Għawdex, it-tfal se jidħlu fi klassijiet ġodda. 

“Imbagħad għandek interventi li jsiru mit-tim ta’ manutenzjoni fi ħdan il-Ministeru; mijiet ta’ interventi li jiswew miljuni ta’ ewro. Wieħed irid jifhem ukoll li f’pajjiżna għandek skejjel li ilhom jintużaw għexieren ta’ snin,” tenna l-Ministru Grima.

Huwa rrefera wkoll għall-programm intensiv mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada f’dak li jirrigwardja xogħol ta’ mmodernizzar u faċilitajiet ġodda – bi skejjel totalment ġodda u oħrajn li se jsirilhom tisbiħ estensiv jew estensjoni fl-iskejjel.

“Irridu naraw li l-iskejjel tagħna, il-klassijiet tagħna, ikunu attrezzati b’tali mod li jkunu jirriflettu dawk in-neċessitajiet u kif ukoll ir-realtajiet soċjali li għandhom l-istudenti llum il-ġurnata,” kompla jgħid il-Ministru Grima.

“Ir-rispett u l-istima lejn il-professjoni jibqgħu ċentrali sabiex nattiraw aktar edukaturi”

Mistoqsi dwar l-edukaturi, il-Ministru Grima qal li f’dawn l-aħħar xhur kienu għaddejjin il-preparamenti sabiex ikun hemm complement ta’ edukaturi li huwa suffiċjenti biżżejjed sabiex jilqa’ għall-istudenti f’pajjiżna. 

“Tajjeb wieħed jgħid li din is-sena akkademika se nkunu fl-istess livelli tas-sena li għaddiet. Huwa dejjem ta’ pjaċir li jkun hemm aktar edukaturi li jkunu qed jagħtu l-kontribut tagħhom; però, min-naħa l-oħra għandna biżżejjed edukaturi biex isir dan il-kontribut.”

“Irridu ndaħħlu dejjem aktar ir-rispett lejn il-professjoni. Ħafna drabi meta wieħed jitkellem dwar kif tattira aktar nies issir referenza għall-pagi li żdiedu u li se jkomplu jiżdiedu kif imwiegħed fil-manifest elettorali. Bħalissa għaddejjin negozjati fuq ftehim settorjali ġdid.”

“Pero, wieħed irid jara dak li huwa rispett lejn il-professjoni sabiex tħajjar dejjem aktar studenti … jgħin ukoll kif se nħabbru fil-ġranet li ġejjin li l-istipendji għal studenti li jagħżlu toroq li jwassluhom sabiex jiggradwaw u jibdew jaħdmu bħala edukaturi jkunu ogħla sabiex nattiraw aktar studenti lejn dik it-triq.

“Għandek diversi aspetti, iżda fuq kollox ir-rispett u l-istima lejn il-professjoni jibqgħu ċentrali sabiex nattiraw aktar edukaturi,” enfasizza l-Ministru Grima. 

Iżda l-Gvern kif qed jinċentiva biex aktar nies jidħlu f’din il-professjoni? 

Il-Ministru għall-Edukazzjoni rrikonoxxa li huwa tajjeb li naraw ftehim li jagħti kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar u stipendji ogħla biex jiġu attirati aktar persuni jieħdu dan il-perkors. Huwa tajjeb ukoll li wieħed jara faċilitajiet aktar ġodda filwaqt li l-istrateġija li l-Gvern qed iressaq ‘il quddiem għas-settur edukattiv se tagħti għall-ewwel darba dak li sejjaħlu bħala “ownership” lill-edukaturi u biex il-poplu tagħna hemm barra jifhem illi s-sistema edukattiva tagħna hi kruċjali mhux biss għall-preżent imma anke għall-futur.

“Dawn huma kollha elementi li huma kruċjali sabiex naraw li jkollna żgħażagħ li kapaċi jiksbu riżultati u jsibu posthom fis-soċjetà moderna li qed ngħixu fiha. It-tfal tagħna jridu jkunu mogħnija b’għarfien u ħiliet li għandhom iż-żgħażagħ madwar id-dinja kollha.”

“Allura nistaqsi, it-teknoloġija, l-Intelliġenza Artifiċjali u s-suġġetti tax-xjenza kemm huma importanti? Dawk huma punti li rridu nisħqu fuqhom u nassiguraw li nagħmluhom attraenti sabiex aktar studenti jersqu lejhom,” temm jgħid il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima.

Sport