Sunday, December 22, 2024

DBRS jikkonfermaw l-aqwa rating mogħti lil pajjiżna minn din l-aġenzija

Aqra wkoll

L-aġenzija internazzjonali DBRS Morningstar ikkonfermat r-rating ta’ pajjiżna bħala A (high) stable. B’hekk pajjiżna baqa’ jgawdi l-aħjar rating li qatt ingħatalu minn din l-aġenzija.

L-esperti ta’ din l-aġenzija sostnew li “Malta’s high economic growth rates and fiscal surpluses prior to the Coronavirus Disease (COVID-19) shock have supported its private and public sector’s capacity to soften the pandemic setback and mitigate the risks to the ratings”.

Id-DBRS jinnotaw li fl-ewwel disa’ xhur tal-2021 l-ekonomija ta’ pajjiżna diġà kibret bi kważi 8% grazzi għal irkupru sostnut fil-konsum u fl-investment. Jinnotaw ukoll li r-rata ta’ qgħad issa hija saħansitra anqas milli kienet qabel bdiet il-pandemija. Dan huwa dovut għal tliet fatturi—irkupru gradwali fit-turiżmu, għajnuna fiskali sostnuta u rata qawwija ta’ vaċċinazzoni.

Dan tal-aħħar fattur huwa partikolarment important fid-dawl tal-varjant Omicron, tant li skont ir-rapport tad-DBRS, mentri barra minn Malta dan kapaċi jkollu impatt ekonomiku sinifikanti. L-esperti jgħidu: “Malta’s high vaccination rate and improved adaptability to the pandemic environment should mitigate the risks.” Dan jindika kemm hu importanti li wieħed jibqa’ jitlaqqam anke bid-doża tal-booster.

Ir-rapport tad-DBRS jindika wkoll li fl-analiżi estensiva tagħhom huma mhux qed jaraw li seħħew impatti ekonomiċi mid-deċiżjoni tal-FATF fuq pajjiżna. Tant li s-settur finanzjarju u dak tal-gaming għadhom jikbru b’rati qawwija.

Fejn jidħlu l-finanzi pubbliċi, l-analiżi tad-DBRS hija kompletament l-oppost ta’ dik tal-Oppożizzjoni. Fil-fatt dawn l-esperti nternazzjonali jinnutaw kif id-defiċit huwa dovut għal miżuri ta’ sostenn, li kienu kruċjali għall-ekonomija ta’ pajjiżna. Waqt li tal-Oppożizzjoni jbeżżgħu li l-finanzi pubbliċi mhumiex taħt kontroll, skont id-DBRS id-dejn nazzjonali huwa sostennibli.

Mhux talli hekk, talli jemmnu li t-tbassir tal-Gvern huwa prudenti biżejjed li hemm anke fondi biex pajjiżna jaffronta l-isfida tal-prezzijiet internazzjonali tal-fjuwil. It-track record ta’ din l-amministrazzjoni iwassal biex l-esperti tad-DBRS m’għadhomx dubji li l-qagħda tal-finanzi tal-Gvern sejra titjieb malajr. 

Waqt li jirrimarkaw li pajjiżna għandu politika stabbli, ir-rapport ifaħħar il-progress sostanzjali li sar biex tittejjeb il-governanza u s-saħħa tal-istituzzjonijiet. Fil-fatt l-esperti jinnutaw kif il-Prim Ministru qassam aħjar il-poteri tal-istat, filwaqt li wettaq riformi kbar fil-puluzija, ġudikatura u l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.  

Ekonomija

Sport