Wednesday, December 10, 2025

Debono u Hadgipolidorou jirbħu s-Safi 5k ta’ Rush AC

Aqra wkoll

Charlton Debono u Chrystalla Hadgipolidorou huma r-rebbieħa tat-tmien edizzjoni tal-Eurosport Safi 5K, tellieqa annwali organizzata minn Rush Athletics Club. L-avveniment ġibed aktar minn 380 atleta kbar u żgħar, hekk kif din it-tellieqa kompliet issaħħaħ lilha nfisha fil-kalendarju annwali tal-ġiri fit-toroq.

Fost l-irġiel, Charlton Debono kompla jżid mal-lista twila ta’ unuri personali, bl-atleta ta’ Evolve Endurance Club jirbaħ f’ħin ta’ 15:39, quddiem Jean Paul Debono ta’ Żurrieq Wolves, li temm f’16:00. Isaac Luca Scicluna ta’ Rush AC kiseb it-tielet post b’ħin ta’ 16:28.

Fost in-nisa, rebħa għal Chrystalla Hadgipolidorou f’ħin ta’ 18:32. L-atleta minn Ċipru, rebbieħa ta’ disa’ titli nazzjonali f’pajjiżha, temmet it-tellieqa quddiem Rosalie Borg Cauchi ta’ Pembroke, li kellha ħin ta’ 18:48. Isaura Camilleri ta’ Żurrieq spiċċat it-tielet post b’19:11.

L-avveniment inkluda wkoll tellieqa ta’ kilometru għal atleti ta’ bejn 8 u 15-il sena, biż-żewġ atleti ta’ Rush AC, Giacomo Portelli (Under 16) u Martina Scicluna (Under 14) jispiċċaw bħala rebbieħa.

Ir-rebbieħa tal-kategoriji l-oħra tat-tfal kienu Skye Joe Borg (Under 16 Bniet), Jack Herrera Role’ (Under 14 subien), Ben Tanti and Asia Psaila (Under 12), Francesco Grima Portelli u Maria Sultana (Under 10) kif ukoll Benjamin Massa u Emma Jade Tabone (Under 8).

It-tellieqa kienet appoġġjata minn Eurosport, Frank Salt u Protein Malta.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport