Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela qal li l-Gvern se jkompli jkun iffukat fuq il-ħtiġijiet tan-nies. F’intervent waqt il-programm Paperscan fuq ONE, Dr Abela qal li l-Gvern se jkompli jindirizza l-kwalità tal-ħajja tan-nies billi se joħloq iżjed ġid u li dak il-ġid igawdu minnu l-Maltin u l-Għawdxin.
Irrefera għall-miżuri li tħabbru fil-Budget li qal se jibdew jagħmlu differenza sostanzjali għall-familji minn dan ix-xahar stess, b’żieda fil-pagi tagħhom permezz tal-akbar tax cut fl-istorja, b’inqas ħlas fit-taxxa tad-dħul. Il-Prim Ministru qal li mal-€140 miljun se jibqgħu fil-bwiet tal-familji għax kull ħaddiem mhux se jħallas taxxa fuq l-ewwel €1,000 li jaqla’ fil-paga.
Fisser kif l-2025 qed jaraha b’mod pożittiv għax wara l-isfidi internazzjonali, kull miżura li qed issir mill-Gvern saret f’dan il-kuntest. Dr Abela qal li għal din is-sena l-ġdida, hemm sfidi ġodda li jeħtieġ jiġu ndirizzati, li sostna dan jista’ jsir għax pajjiżna huwa b’saħħtu ekonomikament, bl-esperti tal-Kummissjoni Ewropea qed jistmaw li jkollna fost l-akbar tkabbir ekonomiku fl-Unjoni Ewropea.
Il-Prim Ministru qal li dan jikkuntrasta bil-kbir ma’ pajjiżi oħrajn Ewropej li qed ibatu l-konsegwenzi għax m’għandhomx l-ekonomija sejra tajjeb. Enfasizza li l-ekonomija hija importanti biex ikompli jitqassam il-ġid, fosthom b’żieda sostanzjali fil-pensjonijiet. Qal li ħaddieħor kien iffriża l-pensjonijiet, mentri Gvern Laburista se jkun qed jagħti l-10 żieda konsekuttiva, żieda ta’ €70 fil-ġimgħa.
Dr Abela qal li l-familji se jkomplu jaraw żieda ta’ €250 fiċ-Children’s Allowance, bl-ewwel pagament diġà ngħata fil-jiem li għaddew. Ma’ dan qal il-Prim Ministru, il-familji se jkomplu jkollhom il-kontijiet tad-dawl u l-ilma sussidjati biex ikunu jistgħu jippjanaw il-futur tagħhom. Sostna li din l-istabbilità tgħodd anke għan-negozji.
Il-Prim Ministru qal li l-2025 se tfisser ukoll bidliet importanti għall-pajjiż. Irrefera għal-Labour Migration Policy, li fil-jiem li ġejjin se jkun qed jiġi ppreżentat dokument għall-konsultazzjoni pubblika, biex il-Gvern jisma’ lill-istakeholders. Dr Abela sostna li l-għan hu li n-negozji ta’ rieda tajba jiġu nċentivati, u ma jitħalla ħadd jabbuża f’dan ir-rigward.
Dr Abela qal li fil-jiem tal-festi l-Oppożizzjoni kienet konsistenti fin-negattiviżmu. Spjega kif l-Oppożizzjoni nħakmet mill-fazzjoni estremista tal-Partit Nazzjonalista, b’attakki li saru fuq Ministri u l-familji tagħhom, kif ukoll għadd ta’ inkjesti li nfetħu fil-konfront tagħhom. Il-Prim Ministeru sejjaħ dan bħala abbuż mill-inkjesti maġisterjali.
Il-Prim Ministru ddikjara li jaqbel mal-pubblikazzjoni ta’ kull rapport tal-inkjesta. Qal li l-PN qed jipprova jispinja l-inkjesta ta’ 17 Black u sostna li hija gidba oħra tal-PN li hemm xi membri tal-Partit Laburista nvoluti fiha.
Dr Abela rrefera għall-ħtieġa ta’ riforma fl-inkjesti maġisterjali, u qal li dawn għandhom għan li jfittxu l-verità, billi filwaqt li jinqabad il-ħażin, għandhom jinħelsu t-tajbin. Dr Abela qal li hemm nies innoċenti li qed jiffaċċjaw proċess ġudizzjarju anke jekk m’għandhomx x’jaqsmu, u sostna li r-riforma trid issir biex tindirizza dawn l-affarijiet.
Il-Prim Ministru fisser kif id-differenza bejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista qed tkompli toħroġ fid-deher, bl-Oppożizzjoni moħħha li trid tixħet lil kulħadd il-ħabs, mentri l-Gvern jemmen f’politika differenti li tiffoka fuq policies. Sostna li l-Gvern se jkompli jaħdem biex tissaħħaħ l-ekonomija u jinkisbu riżultati tajbin li jirrendu f’ġid bil-għan li jitqassam fost kulħadd.
Dr Abela sellem il-memorja tal-Perit u ex Ministru Michael Falzon li qal kellu rispett lejh, u dan l-aħħar iltaqgħu u tkellmu dwar il-futur tal-pajjiż. Il-Prim Ministru temm l-intervent billi saħaq fuq l-għaqda nazzjonali u li l-Partit Laburista huwa l-uniku partit li kapaċi jmexxi l-pajjiż ‘il quddiem.