Waqt li ta l-aħħar żviluppi f’dak li għandu x’jaqsam mal-pandemija, id-Deputat Prim Ministru qal li 96% tal-anzjani fid-djar tal-anzjani u 71% ta’ dawk li huma immunosopressi ngħataw il-booster dose tal-vaċċin.
Fearne nnota li l-booster dose qiegħda taħdem sew hekk kif b’mod drastiku naqsu l-każijiet tal-COVID-19 fid-djar tal-anzjani. Huwa ħabbar li mill-bidu ta’ Diċembru se jibdew jingħataw il-booster dose il-ħaddiema fil-kura tas-saħħa, il-carers li jaħdmu fid-djar tal-anzjani, l-ispiżjara li jaħdmu fil-komunità, persuni li jgħixu fl-istituzzjonijiet u kif ukoll l-għalliema.
Id-Deputat Prim Ministru ħabbar ukoll li se jibda jinħareġ iċ-ċertifikat tat-tilqim lil dawk ir-residenti Maltin li jkunu ħadu l-ewwel doża tal-vaċċin f’ pajjiż ieħor Ewropew u t-tieni doża tal-vaċċin f’pajjiżna.
Dwar l-użu tal-maskri mill-istudenti fl-iskejjel, il-Ministru għas-Saħħa qal li waqt il-vaganzi ta’ Novembru se tkun analizzata d-data dwar il-każijiet pożittivi tal-COVID fl-iskejjel biex b’hekk ikun deċiż jekk għandhomx jieqfu jkunu obbligatorji l-maskri fil-klassijiet. Dwar każijiet pożittivi fl-iskejjel, id-Deputat Prim Ministru qal li l-kuntatti ta’ tfal pożittivi jistgħu jagħmlu sebat ijiem kwarantina jekk it-tfal u l-ġenituri jkunu mlaqqma.