Monday, November 18, 2024

“Deċiżjoni enormi” 

Is-Sindku tal-Qala Paul Buttigieg sodisfatt wara rebħa ta’ battalja twila 20 sena

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

F’deċiżjoni pożittiva wara battalja ta’ 20 sena, Ħondoq ir-Rummien fil-Qala, Għawdex se jkun ippreservat fl-istat naturali tiegħu. It-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar (EPRT) tal-Awtorità tal-Ippjanar ikkonferma li l-iżvilupp propost ta’ lukanda, parkeġġ, vilel, appartamenti, ristoranti u marina f’art verġni li tkopri 104,000 metru, ma jsirx. Għall-Kunsill Lokali tal-Qala dan ifisser rebħa kbira fejn il-poplu issa se jkun jista’ jkompli jgawdi l-wirt naturali ta’ dan il-bajja tant sabiħa.

B’reazzjoni għal din id-deċiżjoni favur il-preservazzjoni tal-ambjent naturali, is-Sindku tal-Kunsill Lokali tal-Qala qal lil talk.mt li għalihom din hija deċiżjoni enormi. Buttiġieġ spjega li, “dan għax dejjem emmint li din il-bajja se tkun mhedda u meqruda kompletament b’dan l-iżvilupp. Meta tara li l-Gvern għandu biss ir-ramel u fejn hemm is-siment mentri l-kumplament kien se jittieħed mill-iżviluppatur, għidli fejn kien se joqgħod il-poplu Malti u Għawdxi kollu?”.

“Ċerti affarijiet in-nies ma jafuhomx…”

Is-Sindku tal-Qala qal li, “ċerti affarijiet in-nies ma jafuxhomx. Tant kien hemm intriċċi u tant kemm ippruvaw jaħbu. Ir-reverse osmosis ta’ Ħondoq ir-Rummien sar bis-saħħa tiegħi. Darba minnhom applikaw is-Sibt fil-11 ta’ filgħodu biex iwaqqgħu d-distillatur ħalli jagħmlu parkeġġ ta’ 85 karozza. Kieku din l-applikazzjoni laħqet ġiet aċċettata, kieku kienu se jwaqqgħuh f’dak it-tmiem il-ġimgħa stess. Imn’alla ndunajt u mill-ewwel ħriġt stqarrija għall-istampa fuqha bil-pjanti b’kollox ta’ x’kienu se jagħmlu”.

Buttigieg qal li kif dak iż-żmien kien sar jaf bl-applikazzjoni għall-iżvilupp f’Ħondoq ir-Rummien, huwa u erbat iħbieb ħarġu jduru biex jaraw x’jaħsbu n-nies tal-lokal fir-rigward. Kien hawn li saret petizzjoni li ffirmawha kważi d-djar kollha għajr xi ftit. Minħabba li fost dawk il-ftit nies li kienu favur il-proġett kien hemm min allega li l-maġġoranza tan-nies qalulhom li huma kontra għax “jistħu”, ġie deċiż li jsir referendum konsultattiv serju u kif suppost. 

“Ħondoq ir-Rummien m’hemmx prezzu u x’ħin nitifulh, għalxejn nibkuh”

Paul Buttigieg

Fil-fatt, minn dan ir-referendum li sar bl-akbar segretezza fejn il-parteċipanti setgħu jivvotaw bl-aktar mod liberu u sigur possibbli, irriżulta li 85% tar-residenti tal-Qala kienu vvotaw kontra dan l-iżvilupp f’Ħondoq ir-Rummien.

Fost diffikultajiet barra spejjeż kbar u ġiri bla waqfien, kemm ilu Sindku tal-Qala, jiġifieri dawn l-aħħar seba’ snin, Buttigieg stqarr li ma setax inaddaf dan is-sit għax “l-iżviluppatur ma kienx iħallina għax kien jgħid li hemm huwa proprjetà tiegħu. Kont nixtieq innaddfu u għalxejn kont mort bil-gafef u l-inġenji tal-ministeru”.

Paul Buttigieg għalaq billi reġa’ rribatta li, “Ħondoq ir-Rummien m’hemmx prezzu u xħin nitilfuh, għalxejn nibkuh”. Kien għalhekk li huwa, il-Kunsill u anke r-residenti li japprezzawh, iġġieldu dan biex iwaqqfu żvilupp massiċċ li kien se jeqirdu kompletament.  

Ekonomija

Sport