Fl-oqsma tal-arti u l-kultura Gvern Laburista, permezz tal-Ministru Owen Bonnici, għaddej b’rankatura li pajjiżna qatt qabel ma ra bħala. Il-ġid li qed isir f’dawn l-oqsma, u l-investiment qawwi li dejjem qed jiżdied, huma bla preċedent.
Minn żmien meta dawn l-oqsma kienu meqjusa bħala setturi li Malta ma għandhiex taħli ħin fihom, għax la kienu apprezzati, u lanqas kien hawn ir-rieda li jiġu ndukrati, illum dawn saru oqsma ewlenin fl-ekonomija ta’ pajjiżna, u t-talent li qed naraw huwa wieħed straordinarju.
Kisba importanti li għamel Dr Bonnici fil-ħidma tiegħu kienet dik li rnexxielu jagħmel l-arti, l-kultura u l-patrimonju nazzjonali aċċessibbli għal kulħadd, u biex jitgawda minn kulħadd. Din kienet kisba sinifikanti u fl-interess tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.
Din il-ġimgħa Malta uffiċjalment saret membru ta’ Eurimages, il-fond ta’ appoġġ għall-films tal-Kunsill tal-Ewropa. Dan jimmarka pass importanti għas-settur awdjoviżiv domestiku ta’ pajjiżna u l-integrazzjoni tiegħu fil-pajsaġġ kulturali Ewropew.
Il-Ministru Bonnici ddeskriva dan bħala pass importanti u strateġiku għall-industrija awdjoviżiva ta’ Malta u qal li s-sħubija ta’ Malta f’Eurimages tirrifletti l-impenn kontinwu tal-pajjiż li jkunu msaħħa s-setturi kulturali u kreattivi permezz ta’ strutturi trasparenti bbażati fuq il-mertu. Qal kif dan il-pass jiftaħ opportunitajiet ġodda għall-produtturi tal-films lokali biex jikkollaboraw fuq livell internazzjonali u jikkompetu fuq livell Ewropew.
Din ma kinitx sħubija faċli biex isseħħ, riedet ħafna tħejjija li saret mill-Kunsill Malti għall-Arti, immexxi minn Luke Dalli, avukat żagħżugħ li qed jagħti l-enerġija kollha tiegħu għall-Kunsill li, s-sena li għaddiet, għalaq għaxar snin minn meta twaqqaf.
Bħala parti mill-proċess biex Malta issir membru tal-Eurimages, delegazzjoni Maltija marret Strasburgu biex tippreżenta u tiddefendi formalment ir-rapport tal-adeżjoni ta’ Malta quddiem ir-rappreżentanti ta’ Eurimages.
Permezz ta’ din is-sħubija, l-industrija ċinematografika domestika se tgawdi sew għax se tagħti, lil produtturi tal-films Maltin, aċċess b’saħħtu għal netwerks Ewropej, kif ukoll il-finanzjament li jgħinuhom jilħqu l-ambizzjonijiet, u l-potenzjal tagħhom.
Dan il-fond ta’ appoġġ għandu baġit annwali totali ta’ madwar €27.5 miljun, li essenzjalment ġej mill-kontribuzzjonijiet tal-istati membri kif ukoll mir-ritorni fuq is-self mogħti mill-Fond.
L-industrija tal-films lokali, distinta mill-industrija tas-servizzi tal-films internazzjonali, għamlet passi ta’ ġgant ’il quddiem, qed tissaħħaħ sew, u s-sħubija fl-Eurimages se tkompli tagħtiha aktar saħħa.

