Saturday, December 21, 2024

Deċiżjoni għaqlija bil-helpline 138

… aktar nies qed ifittxu dan is-servizz

Aqra wkoll

Il-Helpline 138 qabad ritmu tajjeb tant li qed jiġġustifika t-twaqqif tiegħu. Dan joħroġ mill-fatt li fl-ewwel ġranet tiegħu dan il-helpline rċieva medja ta’ 100 telefonata kuljum, bl-aktar ilmenti jkunu primarjament dwar emissjonijiet ta’ trab fil-viċinanzi ta’ siti ta’ kostruzzjoni, xogħlijiet f’ħinijiet mhux permessibbli bil-liġi u n-nuqqas ta’ ndafa fil-viċinanzi tas-sit.

Dwar dan, tkellimna mal-Aġent Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA), il-Perit Roderick Bonnici, li stqarr li dawn l-ilmenti u oħrajn qed ikunu mgħoddija immedjatament lis-sezzjoni tal-infurzar sabiex tittieħed azzjoni skont il-prijorità tagħhom.

Il-Perit Bonnici żied jgħid li bħal kull servizz ġdid dejjem ikun hemm lok għal titjib wara li jiġi analizzat ir-rispons tan-nies biex is-servizz ikun dejjem effiċjenti fl-azzjonijiet li jieħu.

Fuq l-istess tema, L-Orizzont tkellem ukoll ma’ Dr Josianne Cutajar, Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA), li qalet li mit-total ta’ telefonati 200 minnhom kienu dwar illmenti jew preokkupazzjonijiet dwar is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema. Dan jixhed il-ħtieġa għal dan is-servizz.

Dr Cutajar żiedet tgħid li dan il-helpline, anke permezz ta’ servizz.gov, għandu livelli għolja ta’ customer care tant li meta tidħol telefonata tiġi assessjata jekk hix ta’ emerġenza jew le u tingħata l-attenzjoni mill-esperti tekniċi u ssir spezzjoni minnufih fuq is-sit. Hija aċċertat li l-klijenti jingħata risposta dwar x’ikun sar fir-rigward tal-ilment tiegħu fi żmien qasir.

Dr Cutajar enfasizzat ukoll fuq l-importanza li dan il-helpline mhux biss għas-settur tal-kostruzzjoni imma għal kull ħaddiem f’kwalunkwe tip ta’ xogħol f’Malta, anke xogħol li ma jidhirx. Dan jinkludi lil dawk li jaħdmu mid-dar li b’xi mod iħossu li s-saħħa tagħhom tkun qed tiġi mhedda jew impoġġija f’riskju.

Hija temmet tħeġġeġ biex minflok il-midja soċjali, in-nies jirrikorru għal dan il-helpline biex isemmgħu l-ilment u t-tħassib tagħhom u jkollhom rispons effiċjenti u immedjat.

Ekonomija

Sport