Il-mexxejja Ewropej ħadu deċiżjoni storika l-bieraħ filgħaxija li fiha aċċettaw l-istatut ta’ kandidat għal sħubija fl-Unjoni Ewropea tal-Ukrajna. Din id-deċiżjoni favur dan il-pajjiż mifni mill-gwerra huwa daqqa ta’ ħarta għall-aggressur Vladimir Putin, il-President Russu.
Din l-aħbar ħarġet wara li l-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, għal kważi erba’ xhur talab bil-ħniena u insistenza li pajjiżi jkun taħt il-kappa tal-blokk Ewropew ftit ġranet wara l-invażjoni Russa. Fl-istess summit tal-mexxejja Ewropej il-Moldova wkoll ingħatat l-istess statut.
Min-naħa tiegħu Zelensky laqa’ b’sodisfazzjon din id-deċiżjoni pożittiva għal pajjiżu fejn qal li, “dan huwa mument uniku u storiku” għar-relazzjoni mal-blokk ta’ 27 pajjiż u sostna li, “il-futur tal-Ukrajna huwa fl-UE”.
Fuq Instagram il-President Ukren qal li din hija rebħa kbira fejn żied jgħid li “ilna nistennew għal 120 jum u 30 sena” u dan b’referenza għall-perjodu li ilha għaddejja l-gwerra u s-snin minn mindu l-Ukrajna saret indipendenti u nfirdet mill-Unjoni Sovjetika.
Zelensky mbagħad żied li, “issa jmiss li nerbħu lill-għadu”.