Saturday, September 14, 2024

“Deċiżjoni ta’ xahrejn u nofs ilu tħalli l-frott illum”

Aqra wkoll

It-tħabbira tal-bieraħ li Malta diġà hija allokata 330,000 doża ta’ vaċċin għall-COVID-19 f’każ li dan ikun disponibbli fil-ġimgħat li ġejjin, hija l-frott tad-deċiżjoni li ħa l-Kabinett fis-16 ta’ Ġunju meta ddeċieda li jalloka s-somma ta’ miljun ewro biex pajjiżna jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu mill-ewwel il-vaċċin kif dan isir disponibbli.

F’kollegament telefoniku fuq ONE Radio, il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela, qal li deċiżjoni ta’ xahrejn u nofs ilu qed tħalli l-frott illum, u dan juri kemm il-Gvern kien iffukat tul il-pandemija, u kemm huwa importanti l-bilanċ bejn l-iżvilupp ekonomiku u l-ħarsien tas-saħħa.

“Ħadna azzjonijiet f’waqthom minn Marzu sal-lum u dejjem kienu kalibrati, anki meta f’dawn l-aħħar ġimgħat kellna żieda fir-rata tal-infezzjonijiet. L-istrateġija li użajna, minn dejjem ipprijoritizzajna s-saħħa tan-nies imma dan għamilnih b’miżuri kalibrati u mhux aggressivi. Kien hemm pajjiżi oħra li marru f’lockdown totali u ġabu dwejjaq fil-ħajja tan-nies. Aħna ħdimna b’approach differenti u l-istatistika tal-lum turi li l-istrateġija li erġajna użajna issa ħalliet il-frott meħtieġ, ir-riżultati li xtaqna naslu għalihom, bl-istess mod li ħalliet ir-riżultati f’Marzu li għadda.”

Il-Prim Ministru qal li jinsab persważ li l-mod kif il-Gvern Malti amministra l-pandemija kien fost l-aktar effiċjenti fid-dinja, u fakkar fl-istateġija ta’ ttestjar ta’ pajjiżna.

“Pajjiżi oħra ma ħadmux hekk meta l-każijiet bdew jiżdiedu madwar id-dinja, u bdew inaqqsu r-rata ta’ ttestjar. Għall-aspett ta’ statistika dik dehret tajjeb, jien ħadt id-deċiżjoni li mmorru fi triq differenti – li nżidu b’iktar minn darbtejn, kważi tliet darbiet, ir-rata ta’ ttestjar għax dan jallaċċa mal-istil ta’ politika li nemmen fiha jien – li nkunu awtentiċi, onesti u trasparenti man-nies.”

Il-Prim Ministru saħaq li dan l-istil ta’ politika jrid jibqa’ jiggwida lill-Gvern fiż-żmien li ġej.

“Jekk mara, jekk raġel, jitilfu x-xogħol, ifisser familja sħiħa li tiġi f’riskju ta’ faqar. Kburi nħabbar illum li għall-ħames ġimgħa konsekuttiva, il-qgħad kompla jonqos. Din hija xi ħaġa li verament tagħmilni kburi u tfisser li l-għajnuna li tajna bil-COVID wage supplement, żammet lin-nies fl-impjieg. Irnexxielna nippreservaw l-impjiegi f’pajjiżna u l-vijabilità tan-negozji tagħna. Din il-miżura sa issa swiet 170 miljun u laħqet aktar minn 81,000 impjegat.”

Robert Abela sostna li qatt m’aċċetta t-tbassir li jintilfu elf ta’ impjiegi u jkun hawn eluf ta’ mwiet bil-COVID-19. Kien għalhekk li fl-aħħar xhur saret ħidma bla preċedent biex tiġi kkontrollata l-pandemija mill-aspett ta’ saħħa imma wkoll inżammu n-nies fl-impjieg.

Meta semma numru ta’ skemi ta’ għajnuna li tnedew fl-aħħar ġimgħat, u oħrajn li se jiġu mnedija fil-jiem li ġejjin, il-Prim Ministru qal li dan kollu huwa frott il-viżjoni ċara ta’ żvilupp ekonomiku sostenibbli tal-Gvern, li tmur id f’id mal-għaqal u s-serjetà fit-tmexxija.

“Li tkun tħobb lil pajjiżek u lin-nies. Dan l-element sempliċi li tħobb lill-pajjiż u lin-nies, u li tkun konvint li l-futur tan-nies għada jkun aħjar minn dak li ninsabu fih illum.”

“Oppożizzjoni assenti u mehdija f’kunflitt intern” – il-PM

Il-Prim Ministru nnota wkoll kif sa mill-bidu tal-pandemija, ħlief tfixkil mill-Oppożizzjoni ma rax, f’mument ta’ għaqda nazzjonali, u l-istess Oppożizzjoni dejjem kienet fuq in-naħa ħażina tad-deċiżjonijiet.

“Nistaqsi, kieku kien il-Partit Nazzjonalista li kien qed imexxi l-pajjiż sal-lum, x’kien jiġri mill-poplu u l-pajjiż? Surreali kif f’nofs pandemija, l-Oppożizzjoni tieħu d-deċiżjoni li tmur għal elezzjoni biex tibdel il-kap tagħha. Minflok għandek Oppożizzjoni li qed tagħti s-suġġerimenti tagħha lill-Gvern, hemm Oppożizzjoni li hija kompletament assenti u qiegħda mehdija f’kunflitt intern bejn min jappoġġja kandidat u min jappoġġja kandidat ieħor.”

Il-Mexxej Laburista qal li l-Partit immexxi minnu mhux interessat min se jkun kap tal-Partit Nazzjonalista, imma jaf li hemm żewġ persuni li m’għandhom l-ebda viżjoni għall-pajjiż.

“Żewġ persuni li m’għandhom l-ebda viżjoni soċjali, l-ebda viżjoni għal drittijiet ċivili ġodda, l-ebda viżjoni ambjentali. Tispikka fihom is-superfiċjalità fl-argumenti tagħhom, li juruk li m’hemmx profondità fil-ħsieb, u hemm nuqqas ta’ awtentiċità man-nies fil-messaġġ li qegħdin jgħaddu.”

Il-Prim Ministru rrimarka wkoll li jkun xi jkun l-eżitu ta’ din l-elezzjoni interna, il-kap tal-Partit Nazzjonalista l-ġdid se jkollu l-istess nies madwaru li wasslu lill-Oppożizzjoni fis-sitwazzjoni mwiegħra li tinsab fiha llum.

“Persważ li n-nies fil-kwiet ta’ darhom qed tixtarr u tagħmel l-analiżi tagħha. In-nies jafu min qed jaħdem għall-ġid tal-pajjiż f’mument tant diffiċli għad-dinja kollha, u fuq in-naħa l-oħra għandek partit imfarrak li moħħu iktar fih innifsu milli fin-nies. Aħna, Gvern immexxi minni u anki bħala Partit Laburista, nitkellmu fuq l-għixien tan-nies, fuq il-kwalità tal-ħajja tan-nies. Il-Partit Nazzjonalista jitkellem fuq l-eżistenza tal-Partit Nazzjonalista. Dawn huma l-għażliet li l-poplu se jkollu quddiemu fix-xhur li ġejjin. Persważ li meta l-poplu se jagħmel il-ġudizzju tiegħu se jara min verament għandu lill-pajjiż u lill-poplu għal qalbu.”

Ekonomija

Sport