Sunday, November 24, 2024

Deċiżjoni tal-Parlament ixxejjen għal kollox allegazzjonijiet dwar il-Ministru Clifton Grima

Aqra wkoll

Allegazzjoni dwar il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima li saret mid-Deputati tal-Partit Nazzjonalista Justin Schembri u Rebekah Borg ġew imxejna għal kollox b’deċiżjoni oħra mill-Ispeaker tal-Parlament

Il-ġimgħa li għaddiet Schembri u Borg ħarġu stqarrija li permezz tagħha talbu biex l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia jinvestiga lill-Ministru Grima, għax skont ma qalu huma, il-Ministru Grima fi tweġibiet għal diversi mistoqsijiet parlamentari żgwida lill-Parlament.

Id-Deputati tal-PN allegaw li l-Ministru Grima żgwida lill-Parlament bit-tweġibiet dwar il-pubblikazzjoni tar-rapport ta’ awditjar u daħħlu dubju li dan ir-rapport ma sarx, meta dan mhux biss sar imma huwa wkoll pubbliku. Ir-rapport huwa wieħed li fuqu tiġi ddeterminata d-deċiżjoni għal estensjoni b’ħames snin oħra tal-liċenzja tal-American University of Malta (AUM).

Madankollu f’ruling li ta fis-seduta tal-Erbgħa, l-Ispeaker Anġlu Farrugia nnota ċar u tond li dwar tweġiba parlamentari marbuta ma’ liċenzjar ta’ istituzzjonijiet edukattivi ma kien hemm l-ebda żvijar mill-Ministru Grima.

Fit-tweġibiet tiegħu l-Ministru Grima dejjem irrefera għal dokumenti li mhux biss huma pubbliċi, imma huma wkoll aċċessibbli fuq is-sit tal-Awtorità ta’ Malta għall-Edukazzjoni Avvanzata u Għolja.

Meta kienet intalbet l-investigazzjoni, il-Ministru Grima mal-ewwel ċaħad b’mod kategoriku l-allegazzjonijiet li għamlu Justin Schembri u Rebekah Borg u issa dan kollu ġie kkonfermat b’deċiżjoni mill-Parlament.

Mitlub jikkummenta, l-Ministru Grima qalilna, “L-allegazzjonijiet inveritiera u malafamanti tal-Kelliema tal-Oppożizzjoni jmorru b’mod intenzjonat kontra dak li huwa is-sewwa magħruf kif ukoll fatti li huma pubbliċi. Jien mhux se nħalli lil min jippolitiċizza u jtappan b’gideb u allegazzjonijiet foloz għal skopijiet purament partiġġjani, ix-xogħol kbir li qed tagħmel l-Awtorità ta’ Malta tal-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla. Għandi fiduċja assoluta fl-MFHEA u kull informazzjoni pprovduta minnhom”.

Sport