Monday, December 23, 2024

Deċiżjonijiet diffiċli waqt il-logħba tal-futsal huma kruċjali għall-coach Daniel Brincat

Aqra wkoll

Kif bdejt tinteressa ruħek fil-futsal?

Jien minn dejjem kienet tinteressani l-logħba 5-a- side, anke meta kont nil­għab 11-a-side. Hi logħba intensa, teknika u tattika, fejn il-ballun ikun ħafna f’saqajk. Ġie żmien fejn il-logħba tal-11-a-side ma bqajtx inħobbha, u hemm­hekk ġieni ċ-ċans nibda futsal fejn ma’ sħabi ffurmajna t-team Todos FC.

Tista’ tiddeskrivi r-res­ponabbilatjiet tiegħek bħala coach ta’ Ta’ Xbiex Futsal Club?

Ir-responsabbiltá prinċipali tiegħi hi dik li namministra grupp ta’ players u  nippjana sessjonijiet ta’ taħriġ, xi ħaġa li qatt ma ħsibt tieħu daqshekk ħin u ħsieb. Bla dubju, ikolli nieħu deċiżjonijiet iebsin, speċjalment waqt il-l­o­għob … dejjem nipprova neħodhom għall-ġid tat-team.

Kif twieled il-proġett ta’ dan il-club?

Christian u Paul Wismayer huma tnejn min-nies sinonimi mal-club tal-football ta’ Ta’ Xbiex. Chris minn dejjem kien jgħidli li xtaq iwelled it-team ta’ Ta’ Xbiex fil-futsal Malti, peró qatt ma ħadtu bis-serjetá. Peró, irnexxielu b’ħafna xogħol min-naħa tiegħu.

Tista’ tiddeskrivi l-esperjenza passata tiegħek bħala player fosthom ta’ Valletta?

Kelli ħafna esperjenzi sbieħ u l-futsal laqqagħni ma’ ħafna nies li llum il- ġurnata huma ħbieb tiegħi.

Kelli x-xorti li nilgħab ma’ sħabi, ma’ wħud mill- aqwa players li kellna f’Malta u kelli x-xorti wkoll li niġi kkowċjat mill-aqwa coaches li għandna f’Malta wkoll. 

Is-sena tal-uniku kampjonat mirbuħ tiegħi ma’ Valletta tibqa’ waħda speċjali. Dik is-sena qatt ħadd ma seta’ jispjegaha. Kien team perfett b’ħafna aspettattivi, mmexxi mil-coach Clayton Felice. Għadna nsemmu dak l-istaġun sal-lum il-ġurnata. Kien wisq speċjali.

Kemm hu differenti li tkun coach ta’ club milli tkun player?

Differenti ħafna. Iktar stressanti żgur, għax trid tieħu ħsieb 15-il persuna, iżżomm team magħqud u l-players kuntenti. 

Il-logħba tħossha ħafna iktar – rebħa tħossha iktar, imma sfortunatament telfa tħossha wisq iktar ukoll.

Jieħu iktar ħin ukoll għax biex tippjana sessjo­nijiet ta’ taħriġ li jagħmlu sens trid tistudja wkoll. Peró, jien ir-responsabbiltá minn dejjem kienet togħ­ġobni.

X’tikkummenta fuq il- wirjiet u r-riżultati li ksibtu sa issa matul dan l-istaġun bħala club?

Nibda billi ngħid li ninsab kuntent ħafna bl- impenn tal-players. Għandi grupp serju u ffukat, u s-sessjonijiet ta’ taħriġ dej­jem ikunu tajbin għax il-players jieħdu t-taħriġ bis-serjetá. Bħala riżultati, kieku nista’ nħassar il-logħba kontra l-UOM, nista’ ngħid li ninsab kuntent ħafna. Peró, ma nistax, allura ngħid li ninsab kuntent.

Qegħdin ma’ ta’ fuq, u ksibna r-rispett ta’ kull team. Iżda għadu kmieni, baqa’ ħafna xi jsir u xi ntejbu.

X’inhuma l-aspettattivi tagħ­kom għal dan l-istaġun?

Li hu żgur hu li rridu nkunu kemm jista’ jkun ‘il fuq. Peró, naraw logħba logħba u fl-aħħar tal-ista­ġun naraw fejn inkunu wasalna. F’Jannar ħafna timijiet jistgħu jitjiebu. Aħna finanzjarjament m’għandniex dik il-kapaċitá, peró se nibqgħu nipprovaw sal-aħħar. 

Fost oħrajn fit-team tagħ­kom hemm jimmilita d-difensur veteran Jonathan Caruana. X’tikkummenta?

Ma nsejjaħlux veteran. Fil-veritá ġieli ninsa kemm għandu żmien, għax fit-taħriġ jiġi qisu tifel daqskemm jidħol fiha! 

Bla dubju, Jonathan ta­na boost qawwi, għall- kapaċitajiet tekniċi tiegħu u anke għall-mentalitá reb­bieħa tiegħu. Ma kontx sorpriż b’dan l-impatt tiegħu. 

Onestament, iktar kont sorpriż bl-impatt li ħalla fuq it-team barra mill-pitch. Jonathan huwa persuna riservata ħafna, peró mal-players tat-team irnexxielu jibni relazzjoni b’saħħitha ħafna. Sar leader tat-team anke minn dak l-aspett.

Kif tara l-livell tal-fut­sal f’pajjiżna u kif tara li dan jikkumpara mal-livell tal-futsal f’pajjiżi Ewro­pej?

Għad hemm ħafna xi jsir, peró sar titjib kbir f’dawn l-aħħar snin, kif stajna anke naraw minn xi riżultati u prestazjonijiet tat-team nazzjonali tal-futsal. 

Sfortunatament, kellna nitilfu ħafna timi­jiet biex naslu s’hawn, imma dik it-tranżizzjoni bilfors kellha ssir. 

Li hu żgur hu li għandna bżonn aktar courts fejn it-timijiet ikunu jistgħu jitħarrġu. Ngħid għat-team tagħna, hija diffiċli ħafna li nsibu grounds fejn nittrenjaw.

Taħseb li rnexxiet l-idea li minn xi snin ilu l-clubs jinbidlu fi clubs li jieħdu sehem f’kompetizzjonijiet organizzati mill-MFA?

Onestament, ma naħsibx li din ħalliet l-impatt mixtieq.

X’taħseb li kien is-sigriet tas-suċċess kbir li kiseb il-fustal f’dawn l-aħħar snin f’pajjiżna? 

Hemm diversi fatturi. Hemm ħafna proġetti inte­ressanti. Qed isir ħafna xogħol anke biex il-logħba tiġi ppubliċizzata maż-żgħażagħ. Il-fatt li qed jintwerew il-logħob online ukoll qajmet iktar interess ġenerali.

Taħseb li jeżistu players Maltin f’pajjiżna li jistgħu jiksbu suċċess fil-futsal barra minn xtutna? Jekk iva, tista’ ssemmielna xi players?

Hija possibli żgur, kif qed jurina tajjeb ħafna Gian Carlo Sammut fl-esperjenza tiegħu fil-Polonja. Peró, trid ħafna u ħafna sag­rifiċċji, u wieħed bilfors irid jibda jaħdem għaliha minn ta’ etá żgħira.

X’tikkummenta fuq il-court tal-Iskola Nazzjonali fejn jintlaghbu l-loghbiet mill-kompetizzjonijiet lo­ka­li?

Huwa court sabiħ immens, peró nixtieq li nkunu nistgħu nużawh anke għal xi sessjonijiet ta’ taħriġ. Sfortunatament, f’sentejn, qatt ma rnexxielna nsibu slot.

Personalment, nibqa’ nippreferi il-court ta’ Kordin f’Raħal Ġdid għax dan il-ground kien jippermetti iktar briju waqt logħbiet importanti. 

X’tikkummenta fuq l- FMA?

Għandha kull rispett min-naħa tiegħi personali u anke min-naħa ta’ Ta’ Xbiex. Fl-aħħar, jidher li hemm numru ta’ proġetti interessanti u hemm ħafna nies jaħdmu għall-ġid tal- logħba.

Taħseb li l-media f’pajjiżna qiegħda tagħti biżżejjed exposure lill-futsal? 

Żgur li mhux bizzejjed! 

X’tikkummenta fuq il- livell tar-referees li jikkontrollaw il-logħob tal-futsal f’pajjiżna? 

Il-livell ta’ ċerti referees għola ħafna, speċjalment għall-mod kif jikkontrollaw logħbiet delikati. Peró, għandna bżonn ta’ aktar referees ta’ dak il-livell.

Għalkemm nistgħu ngħi­du li l-futsal f’pajjiżna laħaq livelli għolja, tħoss li hemm xi dipartimenti partikolari li fihom jista’ jsir titjib? Taħseb li hemm lok fejn isir titjib?

Li hu żgur hu li għandna bżonn ta’ aktar grounds fejn nittrenjaw. Għandna bżonn ukoll ta’ iktar djalogu mal-clubs tal-MFA biex ikollna ċans naħdmu iktar ma’ players żgħar u nżommu din il-logħba ħajja. 

Il-futsal m’għandux jidher bħala theddida għall- football, anzi! Nemmen ukoll li għandna nitgħal­lmu aktar minn esperti tal-logħba bħal mhu Gab­riel Dobre – nies bħalu kapaċi jagħmlu ħafna ġid.

Tista’ tgħaddi messaġġ lil dawk it-tfal u żgħażagħ li bħalek jixtiequ jibdew jieħdu bis-serjetá l-futsal f’pajjiżna?

Kulma ngħidilhom hu biex jippruvaw il-logħba u jieħdu ċans. M’għandhom xejn x’jitilfu. Hija logħba sabiħa ħafna u m’għandix dubju li fi żmien qasir isiru jħobbuha!

Ekonomija

Sport