Friday, November 14, 2025

Dee Dee … f’dinja fejn il-mużika nbidlet ħafna, hija tibqa’ simbolu ta’ epoka fejn il-passjoni u l-enerġija kienu l-qalba tal-espressjoni artistika

Aqra wkoll

Il-leġġenda tal-vocal trance Ewropea, Dee Dee, kienet f’Malta għal wirja mużikali li żgur se tibqa’ mfakkra. Iġġib magħha mhux biss il-vuċi ikonika tagħha, iżda wkoll nostalġija ta’ żmien meta l-mużika dance u trance kienu fuq quddiem nett tal-moviment mużikali globali. 

Il-kantanta, magħrufa mad-dinja kollha għad-diska immortali tagħha “Forever”, ġiet f’pajjiżna fuq stedina ta’ Back2Dance Events, u ħadet sehem f’party grandjuż f’diskoteka ewlenija bejn ir-Rabat u Ħaż-Żebbuġ, flimkien ma’ artist ieħor li ħalla marka fil-bidu tas-snin 2000, Ian Van Dahl.

Dee Dee, jew aħjar Diana Trippaers, hija l-vuċi wara wieħed mill-aktar diski popolari fil-mużika trance. Il-proġett Dee Dee twaqqaf fil-Belġju u jinkludi wkoll il-produtturi Christophe Chantzis, Erik Vanspauwen u Tommie Kidjemet. Bħala grupp, huma kienu parti importanti mill-ħolqien tal-ħoss li ddistingwa l-bidu tal-millenju: elettroniku, melodiku u emozzjonali.

“Forever” ħarġet fl-2001 u saret sensazzjoni immedjata madwar l-Ewropa. Fil-klassifika tar-Renju Unit laħqet in-numru 12, filwaqt li fil-Ġermanja waslet numru wieħed fuq il-charts tal-mużika dance. Il-kanzunetta ġiet iċċertifikata Gold fl-Ungerija, u anke ġiet nominata għall-premju Best Dance Song waqt l-International Dance Music Awards f’Miami.

Filwaqt li kienet f’Malta, Dee Dee qalet li kienet l-ewwel darba tagħha fil-pajjiż, iżda żgur mhux se tkun l-aħħar.

“Bqajt affaxxinata bis-sbuħija ta’ Malta, in-nies, il-postijiet u l-enerġija li hawn. Huwa post sabiħ li jħallik tħossok milqugħ,” qalet b’tbissima. “Dan hu wieħed mill-aktar pajjiżi li jispiraw il-kreattività tiegħi. Ħassejtni qisni qiegħda d-dar.”

Meta “Forever” ħarġet, Dee Dee kienet għad għandha biss 20 sena. “Ktibt ‘Forever’ meta kont żagħżugħa ħafna,” qalet. “Dak iż-żmien ma kontx nifhem sewwa x’kien jiġri madwari – kollox ġara malajr ħafna. Imma din id-diska kienet speċjali għalija, għax ġiet mill-qalb. Ma kontx qed naħseb fuq il-fama jew il-flus, imma fuq il-messaġġ li ridt inwassal.”

Il-kanzunetta titkellem dwar mħabba li tibqa’ għal dejjem, iżda f’sens usa’, hija dwar xewqa li żżomm it-tama ħajja, anke meta kollox jidher impossibbli. “Kien żmien meta kont qed inħoss ħafna emozzjonijiet differenti l-għaqda tal-mużika, it-tama, il-bidla. ‘Forever’ hi dwar dik l-enerġija li ma tmut qatt,” kompliet tgħid.

Meta tħares lura lejn il-karriera tagħha, Dee Dee tgħid li l-industrija tal-mużika nbidlet ħafna. “Dak iż-żmien, konna nixtru CDs, konna naraw l-istazzjon televiżiv MTV, Top of the Pops, u l-esperjenza kienet differenti ħafna. Illum, il-mużika tinsab fuq Spotify u YouTube, u għalkemm hu aktar faċli biex tasal għand in-nies, in-nostalġija ta’ dak iż-żmien tibqa’.”

Hija tħoss ċerta dwejjaq li l-ġenerazzjoni l-ġdida forsi ma tgħaddix mill-istess esperjenza. “Illum kollox hu digitali u veloċi. Iżda meta jdoqqu ‘Forever’ f’xi club, inħossni lura fi żmien meta kulħadd kien jgħix il-mużika, mhux biss jisma’ha.”

Wara perjodu kwiet fis-snin wara l-2004, Dee Dee reġgħet daħlet fix-xena internazzjonali b’serje ta’ kollaborazzjonijiet. Fl-2009 ħarġet “Love Will Rise Again” ma’ 2 Vibez u “The One 2009” ma’ Mike Nero. Is-snin ta’ wara rawha taħdem ma’ ismijiet bħall-produttur Roni Meller, Dan Winter, Van Dutch, u Marçal Ventura, fost oħrajn.

“Il-ħajja hija magħmula minn ċikli,” tgħid. “Kultant tieħu pawsa, iżda l-mużika dejjem tiġik lura. Illum għandi iktar maturità, imma l-istess passjoni.”

Il-kunċert tagħha f’Malta kien xhieda ta’ din l-enerġija ġdida. Is-segwaċi tagħha, kemm Maltin kif ukoll barranin, żifnu u kantaw ma’ kull kelma tad-diska “Forever”. Dee Dee kienet emozzjonata: “Meta smajt il-pubbliku Malti jkantaw miegħi, kont kuntenta ħafna. 

Din hi r-raġuni għaliex nagħmel dan ix-xogħol – għal dik il-konnessjoni.”

Meta staqsejnieha kif tħares lejn il-futur partikolarment minn hawn u għaxar snin oħra, Dee Dee tbissmet u qalet b’umiltà: “Onestament, ma nafx x’ġej għalija. Ħames snin oħra jkolli 50 sena, imma sakemm inħossni kapaċi, se nkompli nikteb u nkanta. Il-mużika hi parti minni u nqisha ma’ kull nifs li nieħu.”

Hija temmen li s-suċċess mhux xi ħaġa li tiġi minn lejl għal nhar, iżda frott xogħol u dixxiplina. “Trid taħdem ħafna, trid tiddixxiplina lilek innifsek. Ħadd ma jagħmilha għalik. Irid ikollok fiduċja fik innifsek u fit-tim li jaħdem miegħek. Jekk issib in-nies it-tajba u ma taqtax qalbek, tista’ tilħaq ħafna.”

Fil-konklużjoni tal-intervista, Dee Dee bagħtet messaġġ lil dawk li jaspiraw jidħlu fid-dinja tal-mużika jew tal-arti. “Qatt m’għandek taqta’ qalbek mill-ħolma tiegħek. Anke jekk ma tkunx perfetta jew ma jkollokx ħafna opportunitajiet, kompli. Il-ħajja tagħti ċ-ċans lil min ma jaqtax qalbu. U, fuq kollox, qatt ma tħalli lil ħadd jħallik tiddubita fik innifsek.”

Għall-udjenza Maltija, il-preżenza ta’ Dee Dee kienet rigal ta’ nostalġija u ispirazzjoni. 

F’dinja fejn il-mużika nbidlet ħafna, hija tibqa’ simbolu ta’ epoka fejn il-passjoni u l-enerġija kienu l-qalba tal-espressjoni artistika.

Bħalma qalet b’tbissima waqt li ħalliet il-palk ta’ din id-diskoteka:
“Forever will always be forever mhux biss il-kanzunetta, imma l-memorja, l-enerġija, u l-imħabba għall-mużika li qatt ma tmut.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport