Is-Serb, Novak Djokovic, għeleb lill-Ispanjol, Carlos Alcaraz, b’mod eċċitanti biex kiseb it-titlu Olimpiku tant mistenni li qatt ma kien rebaħ qabel u għaqqad il-karriera ‘Golden Slam’.
Intant, ir-rekord tiegħu fl-Olimpjadi turi li fl-2008 f’Beijing rebaħ il-midalja tal-bronż u f’Tokyo 2021 tilef l-istess midalja.
Djokovic, li rebaħ rekord tal-irġiel ta’ 24 titli tal-Grand Slam u kiseb kull titlu li hemm fit-tennis, fl-aħħar kiseb id-deheb Olimpiku fil-ħames parteċipazzjoni tiegħu fil-Logħob.
Is-Serb għamel l-aqwa prestazzjoni tiegħu tas-sena biex għeleb liċ-champion tal-French Open u ta’ Wimbledon, l-Ispanjol Alcaraz, 7-6 (7-3) 7-6 (7-2) quddiem court eżawrit f’Roland Garros, Pariġi.
Huwa sar biss il-ħames player li rebaħ il-‘Golden Slam’ fis-singles – l-erba’ maġġuri kollha u t-titlu Olimpiku – wara Rafael Nadal, Serena Williams, Andre Agassi u Steffi Graf.
Xahrejn ilu, Djokovic, 37 sena, ħalla l-istess court f’Roland Garros bi bżonn ta’ operazzjoni fl-irkoppa, li poġġiet f’riskju l-ħolma Olimpika tiegħu, u r-reazzjoni tiegħu wara r-rebħa tal-bieraħ uriet xi tfisser.
Huwa dar lejn il-kaxxa tiegħu, dirgħajh mifruxa ma jemminx, qabel ma tefa’ r-rakketta mal-art.
Il-midalja tal-bronż marret għand it-Taljan, Lorenzo Musetti, li nhar is-Sibt għeleb lill-Kanadiż, Felix Augur-Alissime, 6-4 1-6 6-3 fil-partita għat-tielet post.